Internazzjonali

L-Istati Uniti tiftaħ attakk fl-Iraq u s-Sirja

Ritratt: Times of India

It-tensjoni fil-Lvant Nofsani kompliet teskala, hekk kif fl-aħħar sigħat is-Sirja qalet li l-Istati Unit bdew il-gwerra fil-Lvant Nofsani u li l-forzi militari ta’ dan l-istat qed ikunu ta’ thedida għal paċi u sigurta internazzjonali.

Dan wara li l-forzi Amerikani attakkaw seba’ faċilitajiet tal-Korpi tal-Gwardji Rivoluzzjonarji Iżlamiċi tal-Iran, mill-ajru. Fosthom tlieta fl-Iraq u erbgħa fis-Sirja…..u li kienu jinkludu ċentri ta’ kmand u intelliġenza u kif ukoll faċilitajiet fejn kien hemm miżmum missili u drones

Id-direttiva għall-azzjoni ngħatat wara li tliet suldati Amerikani nqatlu waqt attakk bi drone fuq zona partikulari tal-Ġordan qrib il-fruntiera tas-Sirja. Dan  meta l-Istati Uniti qed takkuża lir-ribelli – li qed jingħataw sostenn dirett mingħand l-Iran – għal dak l-attakk qattiel fil-Ġordan.

Intant l-Gvern tal-Iraq qal li tal-inqas 16-il persuna sfaw maqtula u 25 oħra kienu midruba fl-attak li l-Istati Unti wetqu matul il-lejl.

Il-grupp, bl-isem ta’ Reżistenza Iżlamika fl-Iraq, jinkorpora diversi entitajiet li ngħataw l-armi, il-fondi u t-taħriġ mingħand il-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran li hi l-elit minn fost il-qawwiet Iranjani.

L-Iran, fl-istess ħin, qed jiċħad li kellu rwol fl-attakk li seħħ fuq il-bażi tal-Amerikani – magħrufa bħala Tower 22 u li tinsab f’Rukban, lejn il-grigal tal-Ġordan.

L-attakk kien ħalla ‘il fuq minn 40 suldat Amerikan midrub…. u s-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti jemmnu li d-drone li ntuża fl-attakk kien manifatturat mill-Iran u li kien simili għad-drones li l-Iranjani ilhom ix-xhur jibgħatu lir-Russja biex tużahom għall-attakki fuq l-Ukrajna.