Lokali

“Mhumiex jirrealizzaw li qed nappoġjaw id-droga flok niġġieldulha?” – Clinton Camilleri

“Il-qerda tal-ħajja,” qal Camilleri. “Il-kokaina qerdet lil Malta, qerdet lid-dinja. Il-problema li pajjiżna qed jappoġjaha d-droga.”

Waqt il-programm ta’ Andrew Azzopardi, persuni li kienet tabbuża mid-droga, Clinton Camilleri qal kif il-white paper li ppreżenta l-Gvern għall-konsultazzjoni se tkun qed tinkoraġixxi iktar biex wieħed jabbuża iktar mid-droga.

Il-white paper tgħid li wieħed jista’ jkollu mal-500 gramma kannabis, 200 gramma kokaina, 200 gramma eroina, jew 500 pillola ecstasy u bil-liġi ma jiġix jitqies awtomatikament bħala traffikant tad-droga.

Din il-proposta qed tgħid li pajjiżna għandu jżied l-ammonti ta’ pussess u traffikar ta’ droga, fejn il-Gvern qed jgħid li la darba jinstabu dawn l-ammonti fuq persuni tkun il-Qorti nnifisha li tiġġudika hux każ li għandu jidher quddiem Qorti Kriminali jew dik ta’ Droga. Dan ifisser li l-Qorti trid tara jekk it-traffikant hux baruni ta’ droga jew traffikant biex jiffinanzja l-vizzju.

Clinton Camilleri qal kif hu beda bil-vizzju tad-droga minn sempliċiment xi ħaġa li kienet ittih pjaċir biex eventwalment spiċċat mezz biex jinsa l-affarijiet li kienu idejquh f’ħajtu. Huwa qal kif ġie f’perjodu li kien jonfoq sa €850 kuljum u tant spiċċa fi stat estrem li kien ipartat kull ħaġa li jsib quddiemu biex jakkwista d-droga.

Mumenti li wassluh anke għal żmien diffiċli mhux biss għal Clinton iżda anke għall-qraba tiegħu.

“Barra li nbatu aħna, inġgħielu lil kulħadd ibati,” qal Camilleri. “Il-familja, u t-tobba. Meta kont mort l-isptar kont ġenninthom. Bla rispett lejja nnifsi u lejn ta’ madwari. Jien sraqt lill-ommi. Il-mara ta’ ħajti sraqtha.”

Clinton Camilleri spjega kif kien saħansitra wasal b’punt meta ferah meta ħadulu lill-uliedu għaliex rah bħala opportunità għal iktar ċans biex jieħu d-droga, għalkemm eventwalment jammetti li kieku ma kienx għal uliedu kienet tkun ferm iktar diffiċli biex joħroġ mill-vizzju.

“Din ir-riforma ilha li saret u l-ammonti kienu baxxi ħafna,” qal Camilleri. “Bqajna dejjem inżiduhom. Il-problema [tad-droga] ma ssolvietx, anzi żdiedet. Jiġifieri xi ħaġa ħażina qed tagħmel Malta. Mhumiex jirrealizzaw li qed nappoġjaw id-droga flok niġġieldulha?”

Quddiem dan kollu huwa staqsa għalfejn il-Gvern għażel li jieħu l-kontroll taħt idejh minflok jafda lill-qrati Maltin.

“Mela l-Gvern ma jafdax fuq il-Qorti?” staqsa Camilleri. “Għalfejn għandna nikkontrollaw lil kulħadd x’jagħmel? Dawn nies ta’ professjoni, għalfejn għandu jkun hemm ammont? Ma jagħmilx sens għax persuna tal-qigħ m’għandix dawn l-ammonti. Kulħadd għandu bżonn l-għajnuna, imma tiddeċiedi l-Qorti, dak huwa xogħolha.”

Id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħmel riforma fil-Qorti tad-Droga qajmet tħassib fost bosta tobba u esperti u anke fost il-pubbliku inġenerali dwar kif dan it-tibdil se jinċentiva li jsir iktar traffikar ta’ droga. Dwar dan kollu l-Partit Nazzjonalista kien qal li ma jridx li traffikanti tad-droga jibdew jeħilsuha ħafif – apparti li oġġezzjona li l-veri vittmi tad-droga u t-traffikanti jitpoġġew fl-istess keffa u jitqiesu bl-istess mod f’għajnejn il-liġi.