Sport Waterpolo

Nicky Grixti u Francesca Paolella ta’ Sliema jirbħu l-unuri tal-BOV Plejers tas-Sena tal-Waterpolo

Il-goalkeeper ta’ Sliema ASC Nicky Grixti ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tas-Sena tal-Water Polo fid-Diviżjoni Premier filwaqt li Francesca Paolella rebħet l-istess unur fil-kategorija tan-Nisa. Kurt Griscti ta’ Exiles rebaħ l-unur għall-Ewwel Diviżjoni u Jayden Cutajar ta’ Sliema kiseb it-titlu tal-U17. Andre Aquilina u Benji Lewis, it-tnejn ġejjin minn Neptunes WPSC ġabru l-premjijiet taż-żgħar billi rebħu l-kategoriji U15 u U13 rispettivament.

‘L-Unur tal-BOV Plejer tas-Sena’ jmur għall-plejers li jiksbu l-aktar voti mill-panel tal-ġudikanti li jissottomettu l-voti tagħhom wara kull logħba matul l-istaġun. Dan il-bord huwa magħmul minn membri tal-kunsill eliġibbli biex jivvutaw fuq kwistjonijiet tal-Water Polo, uffiċjal wieħed minn kull klabb li jintgħażel mill-klabbs, il-kowċis tat-tim nazzjonali, il-kowċis tal-klabb tal-ewwel tim, uffiċjal mill-ewwel tim u membri tal-midja li jattendu regolarment u jirrapportaw ilogħbiet tal-waterpolo. Il-voti jinġabru fi żmien 48 siegħa wara l-logħob u kull vot imur għall-għażla tal-Plejers tas-Sena.

Il-Bank of Valletta organizza l-avveniment tal-presżentazzjoni tal-Unuri fejn ir-rebbieħa ġew ippreżentati bl-unuri tagħhom minn Ernest Agius, Chief Operations Officer fi ħdan il-Bank of Valletta u Karl Izzo, President tal-Assoċjazzjoni tal-Isport Akkwatiku ta’ Malta.

‘Aħna fl-ASA ninsabu kburin bil-kwalità ogħlja ħafna ta’ logħob li kellna matul l-istaġun tal-water polo fl-2023 li laħaq il-qofol tiegħu fl-ewwel rebħa li qatt kellha Malta fil-fażi tal-gruppi fil-Kampjonati Ewropej,’ qal il-President tal-ASA. ‘In-nominati kollha hawn, u speċjalment ir-rebbieħa ddistingwew ruħhom fil-pool u huwa bi pjaċir kbir li llum qegħdin hawn biex nagħrfu l-kisbiet tagħhom.’

‘Mill-ġimgħa d-dieħla, nerġgħu lura lejn il-pixxina biex naraw il-bidu tal-Kampjonat BOV Water Polo tax-Xitwa u naraw il-komunità tal-Water Polo li dejjem qegħda tikber tingħaqad flimkien biex ingawdu l-isport li hu tant għal qalbna,’ temm jgħid Karl Izzo.

‘Din hija okkażjoni speċjali għalina fil-BOV biex niċċelebraw l-eċċellenza sportiva u biex nirrikonoxxu lill-atleti li l-prestazzjoni tagħhom ġiet iġġudikata minn sħabhom stess’ qal is-COO tal-BOV filwaqt li feraħ lin-nominati u r-rebbieħa kollha. ‘Il-Bank of Valletta sar sinonimu mal-isport lokali u mal-Water Polo. Fil-fatt, l-istaġun li ġej huwa l-20 staġun konsekuttiv li l-BOV u l-ASA qed jikkollaboraw flimkien fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet Nazzjonali tal-Water Polo u aħna kuntenti li nagħmlu parti minn dan il-vjaġġ li dejjem qed jevolvi.

Il-lista sħiħa tar-rebbieħa:
Premier Division – Nicky Grixti – Sliema ASC
Women’s Division – Francesca Paolella – Sliema ASC
1st Division – Kurt Griscti – Exiles ASC
U17 – Jayden Cutajar – Sliema ASC
U15 – Andre Aquilina – Neptunes WPSC
U13 – Benju Lewis – Neptunes WPSCDate