Lokali

Proposta lukanda minflok waħda mill-eqdem binjiet f’San Ġiljan

Is-Supretendent għall-Ħarsien tal-Wirt Kulturali approva l-bini ta’ lukanda ta’ seba’ sulari b’64 kamra tas-sodda li se tkun qed tieħu post villa storika u ta’ valur arkitettoniku f’San Ġiljan; villa li tmur lura għall-1846.

Din l-applikazzjoni, li se tkun qed teqred kompletament Villa St Ignatius, ġabet magħha ħafna oppożizzjoni hekk kif din qed tkun meqjusa bħala waħda li qed tikser il-liġi li tmur kontra l-iżvilupp ta’ lukandi f’din iz-zona residenzjali.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret biswit il-villa, l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet kif dan l-iżvilupp se jkun qed jaffetwa b’mod negattiv l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Huma appellaw li din il-villa tiġi protetta milli titwaqqa’ u tinqered kompletament, kif tispjega iktar magħna Astrid Vella.

Din il-villa tmur lura għall-bidu tas-seklu 19 meta kienet inbniet għan-negozjant Ingliż, John Watson, meqjusa bħala waħda mill-ewwel binja ta’ arkitettura Gotika f’pajjiżna. ‘Il quddiem, il-villa ġiet ikkonvertita f’Kulleġġ tal-Protestanti, u aktar tard saret Kulleġġ tal-Ġiżwiti. Dan apparti li din il-binja tibqa’ magħruyfa bħala waħda li fl-Ewwel Gwerra Dinjija intużat bħala sptar militari.

Fl-2017 kienet inqalgħet kontroversja dwar din il-binja hekk kif parti minnha kienet twaqqgħet. Azzjoni li kienet kisret ordni tal-Qorti u attirat kundanna minn numru ta’ għaqdiet mhux governattivi.

Fost numru ta’ residenti, preżenti għal din il-konferenza kien hemm is-Sindki ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema Gwido Dalli u John Pillow rispettivament li kkundannaw b’mod sħiħ dan l-iżvilupp. Huma staqsew x’inbidel issa wara li applikazzjonijiet għal dan l-iżvilupp ilhom jiġu rrifjutati għal snin sħaħ.

Fiz-zona ta’ din il-villa hemm diversi binjiet antiki u saħansitra kappella li ġew skedati iżda villa li għandha storja ta’ kważi 180 sena qed tkun irrifjutata li tiġi skedata.