Sport Sport Ieħor

Snooker: Aaron Busuttil u Alex Borg jibdew b’rebħa fl-Albanija

Iż-żewġ plejers li qed jirrapreżentaw lil pajjiżna waqt il-Kampjonat Dinji tas-Snooker f’Golem, l-Albanija is-Sibt bdew l-impenji tagħhom fejn it-tnejn rebħu l-konfronti tagħhom.

Iċ-champion Malti tas-Snooker, Aaron Busuttil kellu jitħabat biex rebaħ lil Nattanapong Chaikul tat-Tajlandja u kellu bżonn il-ħames u l-aħħar frame biex jagħlaq il-partita. Iż-żgħażugħ Tajlandiż ta’ 18-il sena rebaħ l-ewwel żewġ frames iżda Busuttil irnexxielu jdawwar il-logħba favuriħ u jirbaħ it-tlett frames l-oħra għal punteġġ finali ta’ 3-2. (36-88; 47-78; 72-2; 66-34; 57-44).

Min-naħa tiegħu Alex Borg kellu rebħa konvincenti ta’ 3-0 kontra Seán King. Fil-fatt Borg fit-tliet frames kien superjuri kontra l-avversarju Irlandiż ta’ 26 sena u rebaħ bil-punteggi ta’ 67-22; 58-24; 47-26.

Il-Ħadd, fit-tieni ġurnata ta’ dan il-kampjonat,, miż-żewġ plejers Maltin, Alex Borg biss se jkun fl-azzjoni fejn minn Grupp C huwa jiltaqa’ kontra r-Rumen Cristian Surdea.