Lokali

Tibdil fl-Awtorità tal-Ippjanar wara r-reshuffle fil-kabinett ta’ Robert Abela

Ftit ġimgħat wara r-reshuffle, li kien sejjaħ Robert Abela fi ħdan il-kabinett Laburista, li fih il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri ħa taħt idejh il-Ministeru tal-Ippjanar… issa tħabbret uffiċjalment li l-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kellu tibdil sinifikanti fil-membri tiegħu.

Marica Borg, Charles Hili, Andrew Ellul, Mario Borg u Joseph Tabone ħadu post Sharon Mifsud, Jean Pierre Attard, Mario Bonello, Deborah Busuttil u Maria Briffa fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Tibdil li juri preżenza qawwija ta’ Għawdxin fuq il-bord.

Kelliem tal-Ministeru tal-Ippjanar u għal Għawdex li tkellem mat-Times of Malta spjega illi tliet membri kienu magħżula f’termini li tispeċifika li dawn il-membri huma “indipendenti” magħżulin minħabba l-għarfien tagħhom fil-kummerċ, ekonomija, wirt kulturali u kwistjonijiet ambjentali, fost l-oħrajn.

Fost dawn it-tliet persuni hemm Andrew Ellul, l-istess Ellul miżewweġ lill-eks president kontroversjali tal-kummissjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, Elizabeth Ellul illi fil-kariga tagħha kienet responsabbli għall-permessi f’artijiete ODZ. Charles Hili u Mario Borg huma appuntati f’isem il-Gvern.

Dan iċ-ċaqliq jigi ftit wara li Robert Abela għamel re-shuffle fejn warrab kompleteament lill-Aaron Farrugia… filwaqt li żied mal-kariga ta’ Clint Camilleri li issa għandu taħt idejh il-Gżira Għawdxija, u l-ippjanar f’Malta u Għawdex.

Fl-ewwel laqgħa tal-bord il-ġdid, li saret il-Ġimgħa, kellhom jittieħdu diversi deċiżjonijiet, inkluż il-kampus il-ġdid tal-ITS li se jsib postu Smart City li diġa’ kien approvat iżda li kellu parti mill-permess immarkat bħala materja riżervata.