Robert Abela għandu minnufih jieqaf jikkritika l-inkjesta dwar l-isptarijiet. B’diskorsu l-Prim Ministru tilef il-krettu u l-awtorità morali biex jgħid lill-partitarji tiegħu biex iħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu….partikolarment jekk eventwalment l-inkjesta tirrakkomanda biex jittieħdu passi kriminali fil-konfront ta’ Joseph Muscat.
Dan hu dak li qed jisħaq l-editur tal-MaltaToday fil-ħarġa tal-Ħadd hekk kif insista li filwaqt wieħed għandu kull dritt jistaqsi dwar ċertu dewmien…ċertament dan m’għandux ikun il-Prim Ministru.
L-editur sostna li f’April tas-sena l-oħra kien hemm madwar 1,700 inkjesta maġisterjali pendenti u dan juri li din mhux l-unika waħda.
Madanakollu, insista li l-ġudikatura ma taħdimx f’vacuum – u ma tistax tkun ipperswadita mill-opinjoni pubblika jew minn xi forma ta’ pressjoni politika.
Għaldaqstant l-inkjesta tal-isptarijiet, miftuħa minn Repubblika 4 snin ilu, jaf ikollha konsegwenzi politiċi serji hekk kif il-Maġistrat Gabriella Vella qed tinvestia…mhux biss lil Joseph Muscat iżda anke lill-eks Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi.
L-editur insista li Abela daħal fi sqaq perikoluż…bil-kritika tiegħu ċertament qed tixħet dubji serji fuq l-inkjesta…f’għajnejn il-Laburisti u kebbes aktar in-nar…qabel biss inxtgħal.
L-editorjal jisħaq li l-Prim Ministru neżża’ lilu nnifsu mill-awtorità morali biex jgħidilhom iħallu l-awtoritajiet jaħdmu. Dan filwaqt li sar appell li jekk Abela verament jinkwieta fuq id-dewmien tal-inkejsti….għandu juża’ dan id-diskors għal mijiet ta’ inkjesti oħra…u mhux għal liem waħda jaqbillu.
Intant, il-gazzetta Times of Malta għamlet fact check dwar l-insinwazzjonijiet tal-Prim Ministru u Joseph Muscat … hekk kif qe jimminaw ir-reputazzjoni tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-ġurnal sostna li ċifri tal-Qorti juru li apparti tal-Vitals, Vella għandha 137 inkjesta oħra x’tieħu ħsieb…flimkien ma’ 99 każ ieħor.
Tul l-aħħar sena hija kkonkludiet 41 inkjesta… rata għolja ħafna meta kkumparata mal-kollegi tagħha.
Il-verdett tal-Fact Checker huwa li filwaqt li l-liġi tistipula li inkjesta għandha titlesta f’sittin jum….huwa rari ħafna li dan iseħħ; b’madwar 20% idumu aktar minn 4 snin biex jitlestew.
//= $special ?>