Lokali

Aktar żviluppi li juru qasmiet fil-Partit Laburista

Matul il-ġimgħat u x-xhur li għaddew din il-gazzetta Il-Mument kienet minn ta’ quddiemnett li rrapportat dwar il-qasmiet fil-Gvern ta’ Robert Abela u anki fil-Partit Laburista.

Sorsi fl-istess Gvern ta’ Robert Abela u anki fil-Partit Laburista għaddewlna diversi fatti li qatt ma kienu miċħuda, anzi għaddew il-jiem u kienu konfermati. Sitwazzjonijiet li juru mhux biss qasmiet, iżda kemm Robert Abela falla fit-tmexxija tal-Gvern u falla fit-tmexxija tal-Partit Laburista.

Għandu kontrih u ma jafdawhx mhux biss Ministri fil-Kabinett, imma anki diversi Membri Parlamentari li huma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Mhux biss, iżda għandu kontra tiegħu nies involuti fit-Tmexxija tal-Partit, sia fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u anki fl-Istazzjon One.

Dejjem irrapportajna li l-qasmiet interni huma gravi u serji u li Robert Abela, bir-ras iebsa tiegħu u bil-politika żbaljata li dak li hu tajjeb jgħidlu ħażin u l-ħażin jgħidlu tajjeb, qiegħed ikompli jwassal għal emoroġija ta’ voti ta’ delegati u partitarji Laburisti li qegħdin jaraw lil Robert Abela dieħel fil-ħajt.

Iżda qatt daqs illum Robert Abela ma kien daqstant mgħarraq u f’pożizzjoni fejn la għandu kelma fil-Kabinett tal-Ministri, la għandu kelma fil-Grupp Parlamentari Laburista u anqas fit-Tmexxija tal-Partit. Għandu l-problemi f’kull livell li iżda splodew aktar bl-intenzjonijiet ta’ Joseph Muscat li jikkontesta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew nhar it-8 ta’ Ġunju li ġej.

Sorsi infurmati qalulna li dak li ġara sa issa kien biss stage managed b’Manuel Cuschieri jinbex lin-nies permezz ta’ messaġġ fil-midja soċjali, imbagħad Joseph Muscat jirreaġġixxi u jgħid li għadu ma ddeċidiex iżda nnota l-bastun fir-rota li waħħallu l-istess Manuel Cuschieri.

Pantomima sħiħa li skattat ma’ għeluq snin Joseph Muscat b’dawk li jitkellmu ma’ Il-Mument jikkonfermaw magħna li iva Joseph Muscat se jikkontesta għal din l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej bl-iskop prinċipali li mhux biss jirbaħ siġġu parlamentari fil-Parlament Ewropew, iżda li jġib fix-xejn lill-istess Robert Abela li darba awtorizza lill-Pulizija biex jagħmlulu tfittxija kemm fid-dar privata tiegħu imma anki fl-uffiċċju privat tiegħu.

Madwar Joseph Muscat diversi uċuħ magħrufa u b’għeruq profondi fil-Partit Laburista… Manuel Cuschieri, Jason Micallef, Charlon Couder, James Piscopo, Mario Cutajar u diversi oħra. Ma’ dawn l-istrateġisti mbagħad iċ-ċirku jkompli jitwessa’ bis-sehem ta’ Alfred Sant li dejjem kellu stima lejn Joseph Muscat, Eks Membri Parlamentari, Ministri u Deputati Laburisti attwali u anki persuni involuti fit-Tmexxija attwali.

Kollox jindika li l-kampanja li se jkun qiegħed isegwi Joseph Muscat se tkun waħda ta’ laqgħat ‘spontanji’ man-nies u mal-partitarji fejn soltu jkun hemm in-nies… fosthom fi swieq fejn allura malajr wieħed jimla’ pjazza u jindirizza folla.

Il-messaġġ tal-istrateġisti hu wieħed sempliċi… dak li l-immaġini ta’ Joseph Muscat fost in-nies u fil-pjazez tkompli tgħarraq lil Robert Abela u lil dawk li fadal madwaru.

Robert Abela la kien konsultat x’se jagħmel Joseph Muscat; la kien mitkellem minn xi ħadd; tħalla jfassal il-kampanja hu u dawk fdati fil-Kitchen Cabinet… biex finalment Joseph Muscat ħarbatlu kollox u ġabu jiekol minn idejh.

Tassew li kellu kull raġun li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Avukat Mark Fenech jiddeskrivi din is-sitwazzjoni bħala waħda fejn Joseph Muscat idoqq u Robert Abela jkollu jiżfen skont in-noti mużikali.

“Bħal lum erba’ snin ilu Robert Abela ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru. Kont esprimejt it-tama li jibda’ jsewwi l-ħsarat li twettqu minn ta’ qablu u kont awgurajt li, minn dakinhar ’il quddiem, il-liġijiet jibdew jgħoddu għal kulħadd indaqs.

“Issa li għaddew erba’ snin u ninsab iddiżappuntat għaliex Robert Abela, l-impunità f’Malta, mhux talli ma ramihiex il-baħar, iżda kompla jigglorifikaha u jqimha. Minflok qeridha, kompla saħħaħha.”

Naturalment hemm mottiv ieħor għaliex Joseph Muscat qiegħed jimbotta għal din l-elezzjoni… dik li kif spjega tajjeb l-Avukat Robert Aquilina… ċioè li jagħmel bħal bosta persuni korrotti madwar id-dinja

li ħarġu għall-elezzjoni biex jippruvaw jaħarbu l-Ġustizzja. “Jidher li Joseph Muscat tant qed jippanikkja li qed jimbotta f’dik id-direzzjoni.

Jekk jagħmel hekk, il-prim korrott ikun qed jagħmel lill-Poplu Malti ostaġġ tiegħu. Ikun qed jhedded li ladarba tilħqu l-ġustizzja kriminali, ikompli jħammeġ isem pajjiżna madwar id-dinja.

“Imma l-elezzjonijiet ma jaħfrux reati kriminali. Però min ikun ippanikkjat kapaċi jittanta xortih b’dak il-metodu.”

Fl-isfond ta’ dan kollu wiegħda importanti mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa li ddikjara li se jkun l-ewwel wieħed li jiżgura li jiskatta proċess biex titneħħa l-immunità tal-MEPs lil Joseph Muscat, jekk joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u jiġi elett.

“Jekk Joseph Muscat jaħseb li jista’ jinħeba wara l-immunità parlamentari, jien inkun l-ewwel wieħed biex niżgura li l-proċess biex inneħħuhielu ma jdumx, jekk ikun hemm bżonn anke billi nsir membru tal-Kumitat JURI, jekk niġi elett mill-ġdid.”