Futbol Sport

Arsenal jiftħu l-Premier League beraħ b’rebħa fuq Liverpool

Fil-partita tal-ġimgħa, Arsenal għelbu lil Liverpool 3-1, biex issa ġew żewġ punti taħt l-istess Liverpool li jinsabu fil-quċċata tal-klassifika. Bidu mill-aqwa għal Arsenal meta għamluhom 1-0 fl-14-il minuta permezz ta’ Bukayo Saka. Liverpool iġibu l-iskor indaqs qabel il-mistrieħ meta wara konfużjoni bejn William Saliba u David Raya kien Luiz Diaz li ra l-kross tiegħu jkun imxellef għal ġewwa minn Gabriel Magalhaes. Arsenal fil-vantaġġ fis-67 minuta meta din id-darba kien żball tal-captain ta’ Liverpool Virgil Van Dijk u l-gowlkiper Alisson, fejn approfitta Gabriel Martinelli u kkonkluda f’lasta vojta. Il-Gunners għalqu l-partita fl-injury time, b’gowl tas-sostitut Leandro Trossard.

Rebħa konvinċenti ta’ 3-0 għal Manchester United fuq West Ham. Rasmus Hojlund poġġa lir-Red Devils fil-vantaġġ fit-23 minuta. Żewġ gowls ta’ Alejandro Garnacho fit-tieni taqsima aċċertaw minn rebħa ta’ 3-0.

Chelsea sofrew telfa oħra diżappuntanti ta’ 4-2 f’darhom kontra Wolves. Il-Blues fil-vantaġġ fid-19-il minuta permezz ta’ Cole Palmer. Matheus Cunha rrisponda fit-22 minuta, b’Wolves imorru fil-vantaġġ fit-43 minuta permezz ta’ awto-gowl ta’ Axel Disasi. Cunha għamel l-iskor 3-1 fit-63 minuta, bl-istess plejer jiskorja t-tielet gowl personali permezz ta’ penalty fit-82 minuta. Chelsea naqsu l-iskor fis-86 minuta permezz ta’ Thiago Silva.

Fil-Vitality Stadium draw ta’ 1-1 bejn Bournemouth u Nottingham Forest. Iċ-Cherries imorru fil-vantaġġ wara ħames minuti permezz ta’ Justin Kluivert b’Forest iwieġbu qabel il-mistrieħ permezz ta’ Callum Hudson-Odoi.