Lokali

Battibekki jaħarqu anki fil-midja soċjali bejn is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg u l-Viċi Sindku tal-Qala Ivan Cefai

Tul dawn l-aħħar erba’ snin mhux l-ewwel darba li rajna lis-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg u lill-Viċi Sindku tal-istess lokalità Ivan Cefai, li huma it-tnejn gejjin mill-kamp Laburista, jitlewmu mhux biss internament iżda anke fil-pubbliku.

Hekk komplew jagħmlu f’dawn l-aħħar jiem u dan meta fil-Qala bħalissa għaddej proġett ta’ kisi ta’ tarmak fi Triq 28 ta’ April 1688 li hija t-triq prinċipali tal-Qala.

Il-Ministeru għal Għawdex, li qed jiffinanzja dan il-proġett, qed jagħmel pressjoni mal-kuntrattur biex dan ix-xogħol jitlesta malajr kemm jista’ jkun peress li daqt tibqa’ l-kampanja elettorali tal-elezzjoni tal-Kunsill Lokali li jmiss.

Biex isir hekk, anqas biss kienu se jsiru water culverts biex jilqgħu l-ilma tax-xita. Iżda xħin ir-residenti tal-Qala saru jafu b’dan, ifferoċjaw kontra l-Kunsill Lokali Laburista tal-Qala u kontra l-Ministeru għal Għawdex li qed jagħmel dan il-proġett.

Ovvjament il-Ministru Clint Camilleri kellu jċedi għal din il-pressjoni quddiem għadd ta’ ilmenti minn residenti Qalin u għamel u-turn fejn issa jidher li ġie deċiż li jsir water culvert.

Iżda ġara li s-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg ipprova jieħu l-mertu ta’ dan kollu hu, meta rrikorra għal-midja soċjali personali tiegħu, fejn ħabbar li se jkun qed isir dan il-water culvert.

Jidher li l-Viċi Sindku u l-Kunsillieri Lokali tal-Qala saru jafu b’dan mill-midja soċjali tas-Sindku. Fil-kumment li tefa’ fuq il-midja soċjali, is-Sindku għamilha ċara li dan il-culvert sar biss bis-saħħa tiegħu u kien hu biss li kellu diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex biex isir dan il-pjan.

Fuq l-istess messaġġ, xi familjari tas-Sindku kitbu li dan sar akkost li kien hemm min ipprova jimmanuvra minn wara l-kwinti biex dan il-water culvert ma jsirx, ħalli jkun hemm it-tgergir kontra s-Sindku. Dan jidher li nkiteb b’referenza ċara għall-Viċi Sindku Laburista Ivan Cefai.

Iżda wara biss ħamas sigħat pront waslet ir-risposta tal-Viċi Sindku fuq il-profil tiegħu stess, fejn kiteb li kien hu li stinka u qajjem diskussjoni biex isir il-water culvert u kien wara li ressaq it-tħassib tiegħu quddiem il-Ministru għal Għawdex, li l-istess Ministru fehem il-bżonn biex dan iseħħ.

Iżda l-botti u r-risposti ma waqfux hemm. Għax fil-pront fuq il-messaġġ tal-Viċi Sindku ħalliet kumment jaħraq il-mara tas-Sindku Paul Buttigieg fejn kitbet lill-Viċi Sindku Ivan Cefai biex ma joqgħodx jiftaħar b’xogħol ħaddiehor u biex jekk għandu xi fatti li hu għamel xi ħaġa joħroġ il-provi.

Żiedet tikteb li kien is-Sindku waħdu li ħadem l-ewwel fuq din l-materja sa mis-sena 2019. Il-mara tas-Sindku mbagħad akkużat lil Viċi Sindku Laburista Ivan Cefai u qaltlu li hu ilu ħames snin idur in-nies tal-Qala jmaqdar lis-Sindku Laburista Paul Buttigieg, għalkemm dawn ġejjin mill-istess Partit!

Akkuzatu wkoll li kemm-il darba fil-laqgħat tal-Kunsill Lokali vvota mal-Kunsilleri Lokali tal-Partit Nazzjonalista u b’hekk ma mexiex mal-linja tas-Sindku u tal-Partit Laburista.

Qalet ukoll li l-Viċi Sindku issa beda jidher u jitkellem biss, għax qorbot l-elezzjoni tal-Kunsill. Bir-risposta tal-Viċi Sindku għal dawn l-akkużi, il-Viċi Sindku qal li dan kollu li ntqal fuqu mill-mara tas-Sindku hu gideb u huma stqarrijiet malafamanti.

Dawn il-battibekki, li tista’ tgħid li ma qatgħu xejn fil-Qala kemm fil-laqgħat tal-Kunsill u anke fl-apert, qed ikomplu jsahħħnu l-qiegħa fil-kamp Laburista fil-Qala. Hekk kif kollox qed jindika li Robert Abela, Clint Camilleri u l-magna tal-Partit Laburista se jkunu qegħdin jimbottaw mill-ġdid lil Paul Buttigieg biex hekk jiġi kkonfermat bħala s-Sindku tal-Qala.

Dan intwera biċ-ċar fid-diskors ta’ Robert Abela żewpt Iħdud ilu f’Għawdex fejn għamel eloġju lil Paul Buttigieg waqt attività politika fejn l-attivisti laqgħu lis-Sindku bi standing ovation.

Sa issa jidher li l-unika żewġ kandidati approvati f’isem l-Partit Laburista għall-Kunsill Lokali tal-Qala huma s-Sindku attwali Paul Buttigieg u l-Viċi Sindku Ivan Cefai.

Minn sorsi li għadna qrib il-Partit Laburista, jidher li l-Viċi Sindku qed jagħmel pressjoni biex tiġi rtirata l-kandidatura tas-Sindku attwali kemm għax għandu xi każijiet pendenti l-Qorti u anke għax ġie akkużat quddiem Bord ta’ Governanza Lokali b’allegazzjonijiet ta’ direct orders li ta lit-tifla tiegħu u lil oħtu.

Il-Viċi Sindku wassal l-messaġġ quddiem l-amministrazjzoni tal-Partit Laburista, li hemm xi kandidati li jixtiequ jikkandidaw ruħhom għall-elezzjoni li jmiss tal-Kunsill tal-Qala mal-Partit Laburista, iżda mhumiex lesti li jagħmlu dan jekk fuq l-istess lista magħhom ikun hemm Paul Buttigieg.

Din mhix l-ewwel darba li l-istess Viċi Sindku Ivan Cefai instema’ jgħid li hu u anqas ebda Kunsillier ieħor ma jaħdem mas-Sindku preżenti u li kemm ilu Sindku Paul Buttigieg diġà telqu żewġ Segretarji Eżekuttivi u għadd ta’ ħaddiema mill-Kunsill minħabba fih.

Jidher li dan kollu wassal ukoll għal problemi amministrattivi kbar fil-Kunsill Lokali tal-Qala, hekk kif jidher li l-Awditur Ġenerali talab li jsir compliance audit speċifikament fuq il-Kunsill Lokali tal-Qala wara għadd kbir ta’ direct orders li ġew mogħtija mis-Sindku u mill-Kunsill li jlaġġqu għal għexieren ta’ eluf ta’ ewro.

Dan l-eżerċizzju intensiv li għaddej bħalissa mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fuq il-Kunsill tal-Qala hemm ċans kbir li joħroġ aktar fil-beraħ in-nuqqasijiet kbar li kien hemm fit-tmexxija tal-Kunsill tal-Qala u tas-Sindku Laburista Paul Buttigieg.

Filwaqt li fiċ-ċrieki tagħhom kemm is-Sindku u kemm l-Viċi Sindku qed iħejju għal battalja missilta tal-kampanja elettorali u tal-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ġunju li ġej, fir-raħal tal-Qala jidher biċ-ċar li tul din l-aħħar legiżlatura ftit li xejn saru proġetti infrastrutturali, rikreattivi u ambjentali fejn jispikka b’mod speċjali l-istat ta’ abbandun f’wieħed mill-playing fields tar-raħal li qiegħed fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Kassja li ilu magħluq biex jiġi refurbished kwaġi ħames snin.

Filwaqt li l-KunsillierI Laburisti tal-Qala jkomplu jitlewmu bejniethom, ir-residenti Qalin dejjem aktar qed iħossu li kemm huma u anke ir-raħal sfaw abbundunati mit-tmexxija Laburista fil-Kunsill Lokali tal-Qala li jinsabu aktar mhedija jitfgħu l-botti u jiġġieldu ma xulxin, milli jagħti kas il-vera bżonnijiet tagħhom.