Lokali

Carmen Ciantar titneħħa minn Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi

Itterminat il-kuntratt ta’ Carmen Ciantar bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Kuntratt li permezz tieghu Carmen Ciantar, fuq firxa ta’ ħames snin, kienet qegħda ddaħħal xejn inqas minn €700,000.

Kollox qed jindika li kien nhar il-Ġimgħa li għadda meta Carmen Ciantar kienet infurmata b’din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija; propju ftit ġimgħat biss qabel il-kuntratt kellu jiġi fit-tmiem tiegħu f’Mejju li ġej.

Skont l-aktar kuntratt riċenti tagħha bħala Kap Eżekuttiv, li għalih ġiet appuntata mingħajr sejħa pubblika fuq istruzzjonijiet diretti mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne; Carmen Ciantar kienet qed titħallas salarju bażiku ta’ €115,000 fis-sena, li jiżdied b’€5,000 fis-sena sakemm tilħaq is-salarju ta’ €130,000 fis-sena, id-doppju ta’ dak li jdaħħal il-Ministru tagħha.

Ma’ dawn, Carmen Ciantar kellha bosta ħlasijiet addizzjonali, fosthom bonus annwali ta’ 20% li ried ikun approvat minn Chris Fearne nnifsu, allowance għall-karozza ta’ €7,000 fis-sena, u pakkett komprensiv ta’ insurance tas-saħħa, li għal persuna ta’ aktar minn ħamsin sena jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta madwar €5,000 oħra fis-sena.

Intant, kollox qed jindika li l-Ministru l-ġdid tas-saħħa Jo Etienne Abela mhuwiex qed jimxi fuq il-passi ta’ Fearne – u diġa’ għandu ħafna inkwiet fuq ħoġru, wara li wiret l-istraġi li hemm fl-Isptar Mater Dei kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni.