Lokali

Clint Flores u Steve Ellul iniedu bil-kbir il-kampanja tagħhom b’infiq ta’ eluf kbar ta’ ewro

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra żewġ kandidati prospettivi Laburisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għandha ssir fit-8 ta’ Ġunju li ġej nehdew uffiċjalment il-kampanja elettorali tagħhom bil-kbir.

Qiegħed nirriferi għall-kandidati Clint Azzopardi Flores u Steve Ellul li hu sigriet magħruf li qegħdin jikkompetu direttament fil-konfront ta’ xulxin. Wieħed organizza l-ftuħ tal-kampanja tiegħu fil-lejla tal-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid (Pjazza mdawra b’ħafna skandli kif inħadmet b’infieq ta’ eluf kbar ta’ ewro) u l-ieħor għażel il-Pjazza taż-Żejtun biex jaqta’ ż-żigarella tal-avventura uffiċjali tiegħu.

B’infieq ta’ għexieren ta’ ewro f’tined, screens, ċerimonji, filmati, drones, siġġijiet, sistemi ta’ effetti tad-dawl u tas-sound… u xi ftit ikel u xorb ma naqasx ukoll!

Clint Azzopardi Flores u Steve Ellul f’kompetizzjoni għal min minnhom se jkollu l-aħjar preżentazzjoni. Fit-tnejn li huma attenda d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li innomina lil Clint Azzopardi Flores biex jibgħat messaġġ dirett lil ta’ Kastilja li hu għandu l-aġendi tiegħu li huma kontrastanti ma’ dawk tagħhom. Iżda, b’rispett, attenda wkoll l-attività ta’ Steve Ellul.

L-attività ta’ Clint Azzopardi Flores kienet dominate minn uċuħ li fl-apert huma favur l-Eks Mexxej Laburista Joseph Muscat u fil-miftuħ huma kontra Robert Abela u dawk li kkapparraw Kastilja.

Fuq quddiemnett Michelle Muscat… eċċitata eċċitata tħeġġeġ għal vot ta’ fiduċja fi Clint Azzopardi Flores!

Magħha Manwel Cuschieri frisk mill-‘bastun’ li kien għadu kemm daħħal fir-rota ta’ Joseph Muscat!

U diversi personalitajiet oħrajn li bil-kbir qegħdin jimxu wara Ray Azzopardi u Clint Azzopardi Flores. Fosthom anzjani fil-Partit Laburisti. Delegati li waqgħetilhom żokrithom jimmilitaw fil-Partit.

Ilkoll miġbura taħt tinda f’forma ta’ globu kbir… u mbagħad il-ħafna drama u xenati u tgħanniq. Fejn ma tkunx taf it-taptipiet fuq l-ispallejn huma ta’ kuraġġ inkella stalletti!

Erbgħa u għoxrin siegħa wara, din id-darba taħt tinda wkoll, replika fiż-Żejtun ta’ dak li kien ġara lejliet f’Raħal Ġdid. Imma din id-darba l-protagonista kien Steve Ellul… Steve Ellul li l-Gvern ta’ Robert Abela u Miriam Dalli għoġbu jagħti mas-€700 miljun x’jonfoq biex suppost isebbaħ id-dehra ta’ pajjiżna!

Bosta jistaqsu x’għamel fit-terminu li dam Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Project Green! It-tweġiba li tingħata ma tawguralu xejn li jekk ikun elett Membru Parlamentari Laburista Malti fil-Parlament Ewropew se jxammar u jaqta’ sandar! Għax fit-tmun ta’ Project Green m’għamel kwżi xejn… jew… biex inkunu aktar ġusti… qabad proġetti li saru minn Amministrazzjoni Nazzjonalista snin ilu u irrinovahom!

Sadattant mill-ġdid diversi uċuħ ġodda familjari fil-familja Miriam Dalli u dawk li kienu u għadhom qegħdin jimbottawh biex forsi jagħmilha għall-Parlament Ewropew.

Għax l-affarijiet fl-aħħar jiem żvolġew kif qatt ma xtaq li jiżvolġu. B’Joseph Muscat itellaq għall-Parlament Ewropew biex ifittex l-immunità politika, allura Steve Ellul – ’l isfel sew fil-lista alfabetika tal-kunjomijiet – jara ċ-ċansijiet tiegħu li jagħmilha jninu sew.

Jaf li l-miġja ta’ Joseph Muscat fil-lista tal-Partit Laburista hi daqqa ta’ ħarta għalih għaliex – dejjem skont ta’ madwaru – id-delegati u l-partitarji jippreferu aktar lill-istess Joseph Muscat, Alex Agius Saliba, Clint Flores u, sorprendentement, lil Daniel Attard u lil Claudette Abela Baldacchino.

U bħal qisu hawn qisu qiegħed jinħema xi block vote biex il-kandidati ta’ Robert Abela jibqgħu kollha l-art!

Imma lil hinn – għalissa – minn dan id-diskors f’dan l-istadju – tajjeb li niffukaw aktar fuq iż-żewġ attivitajiet ta’ Raħal Ġdid u ż-Żejtun u forsi ż-żewġ kandidati Laburisti jgħidulna kemm ġew jiswew dawn iż-żewġ attivitajiet. Min ħallas għalihom. Għaliex hu kollu santu ċajt li wieħed jipprova jemmen li dawn iż-żewġ attivitajiet ma ġewx iqumu l-belli liri!

U la fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet assistejna għal din il-wirja ta’ saħħa finanzjarja minn dawn iż-żewġ kandidati Laburisti partikulari, issa rridu naraw kif se jkunu qegħdin iwieġbu l-kandidati Laburisti l-oħra li fil-verità qegħdin hemm biss għan-numru.

Naturalment il-kandidatura ta’ Joseph Muscat għandha tkun waħda spettakolari li titfi mhux biss lil dawn iż-żewġ kandidati partikulari – Clint Azzopardi Flores u Steve Ellul – imma anki l-immaġini ta’ Robert Abela li kull kontroll fil-Partit Laburista ħarablu minn idejh.

Ħarablu minn idejh sal-punt li għall-attività ta’ bħal-lum ġimgħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun saret pressjoni kbira biex kemm jista’ jkun jattendu partitarji. Biex lil Robert Abela jagħtuh merħba u kuraġġ! Kollox staged. Sempliċiment għaliex Robert Abela kien għadu kemm ingħata majnata papali minn Manwel Cuschieri u Joseph Muscat rikeb fuqha u issa webbel lil-Laburisti li iva se jkun qiegħed itellaq u jċekken lill-istess Robert Abela.

Għaliex kien tassew f’waqtu dak il-kumment satiriku li Robert Abela jipproponi u jippjana… imma finalment hu Joseph Muscat li jiddisponi u jiddeċiedi jekk iħarbatx jew le l-pjani ta’ Robert Abela, ta’ missieru u l-bella kumpanija maqfula f’Kastilja… anki jekk uħud mill-kamp oppost!

Insomma d-diskors għandu jibqa’ ffukat fuq dak li ġara l-ġimgħa l-oħra u kif anki żżeffen l-Eks Ministru Lorry Sant! Għaliex fil-veru sens tal-kelma ċerti statements ma jitwemmnux. Imma għall-gallarija – u għall-voti – ikun hemm min ikun lest li jagħmel kollox!

Finalment u f’isem l-irġulija u t-trasparenza: Clint Azzopardi Flores u Steve Ellul… kemm swewkom l-attivitajiet li għamiltu? Min ħareġ il-flus għal dawn l-attivitajiet? Mhux bir-raġun kollu għandu jkollna kandidati għall-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju li jkunu integri, trasparenti u serji? Tlumu lil xi ħadd li ma jridx li jkollna Membri Ewropej Maltin b’dellijiet tqal fuqhom?!