Futbol Sport

Draw li ma jikkuntenta lil ħadd bejn Gżira u Balzan

(Ritratt: Joseph Galea)

Andrè Muscat

GŻIRA UNITED………. 1

BALZAN……………………1

Gżira United: D. Zarkov, G, Bohrer, T. Aldama, Z. Scerri, M. Dias, L. Ribeiro, C. Luis, F. Romero, Z. Cassar, B. Borg (W. Spencer 67’), J. Mendoza (D. Boadu 67’)

Balzan: D. Golovic, I. Bozovic (H. Euigwon 56’), A. Prates, T. Caruana, P. Fenech (B. Hili 56’), J. Busuttil (M. Grima 70’), A. Katanic (R. Blackwood 63’), N. Zerjal, N. Braunovic, O. Rommens, A. Andrejic (R. Michibuchi 46’)

Imwissija: O. Rommens 9’ (B), T. Aldama 90+1 (GU), A. Prates 90+1 (B)

Skorjaw: L. Ribeiro 39’ (GU), O. Rommens 62’ (B)

Referee: Matthew De Gabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u Max-Lee Muscat

BOV Plejer tal-Logħba: Macula (GU)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Macula (GU)

Fit-Tony Bezzina Stadium fil-konfront bejn Gżira United u Balzan, assistejna għal draw minn żewġ timijiet li jinsabu t-tnejn li huma fiż-żona relegazzjoni.

Wara sitt minuti logħob tasal l-ewwel azzjoni denja ta’ nota minn Gżira United, kien Triston Caruana li naqas milli jikkontrolla, bil-Kolumbjan ta’ Gżira Mendoza jisraq il-ballun, javvanza u jittanta xortih mix-xellug, iżda l-ballun jgħaddi ftit barra mill-wieqfa.

Tasal ukoll l-ewwel azzjoni ta’ Balzan fit-12-il minuta, meta s-Serb Bozovic mil-lemin ifajjar xutt fejn jidħol Gabriel Bohrer u b’xorti tajba ma tefax fil-lasta tiegħu stess u minflok dawwar f’korner.

Gżira jiftħu l-iskor fid-39 minuta metakien l-attakant Brażiljan Macula li b’azzjoni personali fajjar xutt minn barra l-kaxxa, bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka wara Golovic.

F’taqsima nieqsa xi ftit mill-azzjonijiet mat-tisfira tar-referee Matthew De Gabriele, Gżira jidħlu jistrieħu b’vantaġġ minimu ta’ 1-0.

Tasal l-ewwel azzjoni fit-tieni taqsima, kien Aldama li ħarab mill-lemin, xeħet kross lejn Macula, b’dan tal-aħħar ifajjar xutt bit-tentattiv tiegħu jispiċċa għoli fuq il-lasta ta’ Balzan.

Mas-siegħa logħob Gżira b’tentattiv li jirduppjaw meta Zachary Scerri ttanta xortih minn barra l-kaxxa, bil-goalkeeper Danillo Golovic isalva bla diffikultà.

Tasal l-aktar azzjoni perikoluża għal Balzan li permezz tagħha ġabu d-draw fit-62 minuta, kien l-akkwist il-ġdid tagħhom Olivier Rommens li minn barra l-kaxxa fajjar xutt mill-isbaħ biex tefa’ wara Zarkov.

Balzan viċin li jirduppjaw fl-84 minuta, hekk kif il-Korean Han Euigwon jagħmel ħarba personali u jipprova xutt li kien ċentrali b’Zarkov ta’ Gżira jsalva bla wisq diffikultà.

Biż-żewġ timijiet jiddefendu r-riżultat sabiex ma joħorġux b’idhom f’idhom minn dan il-konfront mat-tisfira finali tar-referee De Gabriele, Gżira u Balzan ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1.

Ritratt: Joseph Galea