Lokali

Familja tappella lill-pubbliku għal għajuna għal binhom ta’ 4 snin li għandu kundizzjoni fil-muskoli

Thiago se jagħlaq 4 snin f’April li ġej; ġurnata fejn wieħed jibda jħares lejn il-ġejjieni hekk kif ta’ dik l-età jibdew jilgħabu sport partikolari jew ikunu għadhom kif bdew l-iskola iżda għal dan it-tifel ir-realtà hija kompletament differenti.

Dan hekk kif Thiago għandu Muscular Dystrophy u preżentament il-familja qed tistenna r-riżultati tat-testijiet sabiex tiddetermina it-tip ta’ kundizzjoni li għandu; x’aktarx Duchenne Muscular Dystrophy.

F’post fuq il-midja soċjali l-qraba ta’ dan it-tifel spjegaw li din il-kundizzjoni gradwalment idgħajjef il-muskoli tal-ġisem. Komplew jgħidu li għalkemm hemm ftit tama għaliex hemm trattament li ġie approvat ftit taż-żmien ilu dan jiswa kważi €3 miljuni. Dan apparti spejjeż addizzjonali għal mediċini, tagħmir, u l-kura kontinwa li Thiago se jkollu bżonn. Il-qraba esprimew b’dieqa li dan il-prezz tant għoli jinħass impossibbli.

Kien għalhekk li l-familja appellat lill-pubbliku għal għajnuna bil-għan li Thiago jkun jista’ jieħu dan it-trattament li jista’ jibdillu ħajtu. Huma sostnew li l-appoġġ tal-pubbliku tagħmel differenza enormi.