Lokali

Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jaġixxi diversi sigħat wara fil-konfront ta’ kelb abbandunat u f’qagħda serja

Fil-jiem li għaddew seħħ każ ta’ kelb taħlita ta’ Pharaoh Hound-Fox Terrier li kien abbandunat f’qagħda kritika ħafna. Xi ħadd ħa l-briga u informa lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali biex jaġixxi minnufih. Iżda l-intervent mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali seħħ biss diversi sigħat wara li kien iddaħħal ir-rapport!

Dwar dan il-każ li kexkex lill-komunità li għandha għal qalbha lill-annimali, tkellimt mad-Deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti li hi l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Annimali, li kkonfermat li fil-jiem li għaddew erġajna qomna għal ħasda oħra fejn jidħlu l-annimali u l-ħarsien tagħhom!

Dan hekk kif Bobby, kelb ħelu tar-razza magħrufa bħala tal-fenek, ġie innutat ferut u kif anke intqal fil-midja soċjali, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ġie kkuntattjat imma għal xi raġuni stramba dan il-kelb ma nġabarx u l-għada kien għadu fl-istess post! Kienet NGO lokali li ġabret lil dan il-kelb u ħaditu għand veterinarju biex tingħatalu l-kura meħtieġa.

Janice Chetcuti fissret li fost għadd ta’ Mistoqsijiet Parlamentari li għamlet f’dawn il-jiem staqsiet  x’inhi l-istorja ta’ dan il-kelb u għala ma nġabarx minnufih mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali!

Skont l-istess NGO li salvat lil dan il-kelb wara li saru l-investigazzjonijiet mediċi kollha, instab li Bobby ma kienx ġie mtajjar minn karozza u lanqas attakkat minn xi kelb ieħor kif kienġie maħsub fil-bidu, iżda agħar minn hekk x-rays urew u ppruvaw li kellu ammont kbir ta’ ċomb f’gismu kollu li allura huma prova ċara li xi individwu spara fuqu minn distanza ferm viċina!

“X’kattiverja? X’qalb irid ikollok biex tagħmel att barbaru u kodard bħal dan!

“Ovvjament meta Bobby ġie ċċekkjat għall-identifikazzjoni elettronika jew kif inhi magħrufa l-micro chip, dan il-povru nstab li ma kienx la ċċippjat u allura wisq anqas irreġistrat fid-database nazzjonali hekk kif inhu mitlub minn kull individwu li għandu kelb.”

Janice Chetcuti kompliet li dawn ir-regolamenti jagħmluha ċara li kull sid hu mitlub li jassigura li kull kelb li jista’ jkollu  jkun iċċippjat sa mhux aktar tard mir-raba’ xahar tiegħu u dan jiġi stabbilit minn meta joħorġulu n-nejbiet t’isfel.

Dan is-servizz isir għand il-veterinarju li mbagħad hu responsabbli li jirreġistra lill-kelb fid-database nazzjonali. Kull kelb ikollu numru uniku għalih, ċioè qisu b’Karta tal-Identità, li meta jiġi ċċekkjat jagħti    l-informazzjoni u d-dettalji tas-sid tiegħu. Din iċ-ċippa tkun qisha bħal rossa żgħira li tiġi injettata f’għonq il-kelb u ma jirriżultax li din toħloq xi uġigħ jew inkonvenjenza għall-kelb.

Hi qalet li huwa mitlub li jekk il-kelb jiġi nieqes jew jingħata lil sid ieħor, allura s-sid ikollu sebat’ijiem ċans biex javża b’dan lid-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali.

Kompliet tispjega  li biex tinqara dik il-ċippa, irid jintuża strument li jissejjaħ micro chip reader li bħas-sistema ta’ bar code, malli dan jitpoġġa fuq għonq il-kelb, jinqara fuqu mal-ewwel in-numru uniku tal-kelb, li meta mbagħad wieħed ifittex fuq id-database allura jkun jista’ jsib min hu s-sid flimkien mal-kuntatt tiegħu.

Din il-Liġi hi maħsuba biex tagħti protezzjoni kontinwa lill-klieb tagħna. Hemm kontravenzjoni ta’ €300 jekk wieħed jinstab li m’ għamilx din il-micro chip lill-kelb tiegħu, spjegat Janice Chetcuti.

Mistoqsija iżda x’qed jiġri realment f’pajjiżna, hi fissret li għalkemm il-Liġi qegħda hemm, iżda assolutament mhux qed tiġi infurzata! “Wara Domanda Parlamentari oħra li għamilt lill-istess Ministru kkonċernat u ċioè kif qed isir dan l-infurzar fuq l-użu tal-micro chipping biex niġu assigurati li kull sid qed ikun responsabbili mill-ħarsien tal-kelb tiegħu, ir-risposta kienet li jiġu ċċekkjati biss dawk il-klieb li fuqhom isir xi tip ta’ rapport lill-istess Direttorat!

“Dan imur eżatt kontra dak kollu li hu rikjest mill-istess Liġi biex tkun tista’ tagħti protezzjoni assoluta lill-klieb tagħna sew jekk jintilfu jew inkella jekk jiġu maħqura.”

Hi qalet li hawnhekk wieħed ikun jista’ allura jifhem aħjar għalfejn il-każijiet ta’ moħqrija fuq l-annimali f’pajjiżna qiegħed kull ma jmur jiżdiedu. Dawn l-individwi li jikkomettu din l-istess moħqrija huwa fl-interess tagħhom li ma jobdux din il-Liġi ħalli meta jfettlilhom jikkommettu dawn l-abbużi mingħajr ma jinqabdu.

“Jafu li ħadd mhu se jiċċekkjahom u allura ma jiċċippjawx lill-kelb tagħhom. Huma biss dawk is-sidien li vera jħobbu lill-kelb tagħhom li jobdu l-Liġi għax jafu li jekk jintilfilhom il-kelb ikunu jridu jkunu l-ewwel li jsiru jafu meta tinqaralu l-identifikazzjoni elettronika,” qalet Janice Chetcuti.

Hi kompliet li Bobby il-kelb inkwistjoni hu vittma li nzerta kien għand sid mhux ta’ dan it-tip iżda bħal ta’ qabel imsemmi li allura ma riedx iħalli traċċi warajh hekk kif jaħqar lill-kelb tiegħu.

Għal din ir-raġuni biss ukoll id-Direttorat għandu jkollu uffiċjali apposta li xogħolhom ikun li jagħmlu spot checks fuq klieb li jkunu kemm barra ma’ sidhom u kif ukoll fi proprjetajiet privati. Dawn             l-individwi jridu jħossu t-theddida li jekk ma jiċċippjawx lill-kelb tagħhom allura jkunu f’periklu akbar li jeħlu l-multa li terregola dan.

Ikun kollu għalxejn li nħambqu għal-Liġijiet ġodda u aktar ħorox favur l-annimali u l-ħarsien tagħhom jekk lanqas dawk diġà eżistenti ma jiġu infurzati, temmet Janice Chetcuti.