Il-bdiewa fil-Greċja — l-istess bħall-bdiewa l-oħra fl-Ewropa– qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi kbar li qegħdin iħallu impatt negattiv ħafna għall-introjtu u l-livelli tal-għajxien tagħhom u ta’ familthom. Fl-istess ħin, il-bdiewa qed jirredikolaw il-proposta tal-Gvern biex huma jiltaqgħu u jiddiskutu s-sitwazzjoni mal-Prim Ministru Kyriakos Mitsotakis bħala sempliċi ‘okkażjoni għat-teħid tar-ritratti u xejn aktar’.
Intant, numru kbir ta’ bdiewa Griegi fl-aħħar sigħat ivvjaġġaw mir-reġjun ta’ Thessaly lejn Thessaloniki fejn — bħala protesta — waddbu kwantità ta’ prodott agrikolu fuq il-bankini viċin is-sit fejn kienet qed tittella fiera tal-agrikoltura.
Dan meta l-bdiewa madwar l-Ewropa, fi tmiem il-ġimgħa, komplew jipprotestaw dwar l-inflazzjoni u l-kompetizzjoni minn barra. Il-bdiewa huma annki urtati dwar l-ispejjeż enormi li qed jiffaċċjaw bħala parti mill-‘green policies’ – f’dan il-każ il-politika stabbilita biex il-pajjiżi jikkumbattu l-bidliet fil-klima b’mod aktar effettiv.
Il-bdiewa Griegi, waqt dimostrazzjoni, ikkritikaw lill-Prim Ministru Mitsotakis li, skont huma, kiser kelmtu magħhom fi żmien ta’ kriżi għall-biedja. Huma qed jgħidu li Mitsotakis, l-ewwel, kien wiegħedhom il-miljuni tal-ewro biex itaffilhom mill-ispejjeż tal-produzzjoni u meta fil-fatt, l-offerta, illum, qed titqies bħala waħda ‘staġnata’ minbarra li ‘daħka fil-wiċċ’.
Dawn il-bdiewa sostnew li l-Prim Ministru ma qalilhom xejn dwar it-telf tal- introjtu mill-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea u issa, uħud minnhom qegħdin jikkunsidraw bis-serjetà li jemigraw fid-dawl taċ-ċirkustanzi.
//= $special ?>