Internazzjonali

Il-Jemen: Il-Houthi mill-ġdid taħt bumbardament mill-qawwiet tal-Istati Uniti u r-Renju Unit

L-Istati Uniti u r-Renju Unit wettqu sensiela ta’ attakki konġunti fuq il-milizji tal-Houthi fil-Jemen, wara li dawn komplew jheddu u jattakkaw lill-bastimenti kummerċjali li baqgħu jużaw rotta ewlenija fil-Baħar l-Aħmar.

Mifhum li l-qawwiet Amerikani u Britanniċi laqtu ‘il fuq minn 40 mira tal-Houthi fi tlettax il-lokalità tal-Jemen — bl-osservaturi qed jistennew aktar attakki konġunti ta’ dan it-tip fil-ġranet li ġejjin.

L-attakki fuq il-Houthi jidhru li huma parti minn offensiva aktar mifruxa u wara li l-qawwiet tal-Istati Uniti, nhar il-Ġimgħa, kienu attakkaw l-għexieren ta’ miri ta’ militanti appoġġjati mill-Iran fl-artijiet tas-Sirja u l-Iraq.

L-azzjonijiet kienu ritaljazzjoni għall-qtil ta’ tlett suldati riservisti tal-Istati Uniti bażati fil-Ġordan u li sfaw mira ta’ drone sparat minn grupp ta’ militanti li qed jieħu l-għajnuna diretta mingħand l-Iran

Il-Houthi, li huma wkoll alleati kbar tal-Iran, ilhom minn Novembru jattakkaw il-vapuri kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar – u meta l-azzjonijiet qegħdin iħarbtu t-trasport tal-aktar affarijiet essenzjali miz-zoni marittimi inkwistjoni u b’impatt dirett għall-kummerċ globali.

Fil-fatt, ħafna kumpanniji tal-vapuri waqfu milli jużaw ir-rotot fil-Baħar l-Aħmar u meta l-vapuri, minflok, qegħdin jużaw rotot oħra, li jieħdu ħafna aktar fit-tul, ‘il hinn min-naħa t’isfel tal-Afrika.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Grant Shapps, spjega li l-aħħar attakki fuq il-Houthi fil-Jemen ma jfissrux eskalazzjoni jew firxa tal-konflitt attwali li għaddej bħalissa f’Gaza bejn il-qawwiet ta’ Iżrael u t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas.

Madankollu, il-Gvern Britanniku ma ħalla l-ebda dubju li se jkompli bl-azzjonijiet militari dment li l-Houthi jibqgħu jattakkaw il-vapuri kummerċjali ‘il hinn mill-Jemen – u bil-komunità internazzjonali qed tkompli tfisser l-aġir tal-Houthi bħala ‘illegali u inaċċettabbli’.