Lokali

Il-maġistrati u l-avukati ma jistgħux jaħdmu minhabba s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Qorti t’Għawdex

 Jekk hemm bżonn ta’ eżempju klassiku tal-falliment u tal-patetiċità ta’ dan il-Gvern Laburista biżżejjed li wieħed jiffoka fuq x’qiegħed ikompli jiġri fil-Qorti, mhux biss ta’ Malta, imma anki f’dik ta’ Għawdex.

Issa ilna snin twal nisimgħu mill-Bank tal-Maġistratura u mill-Korp tal-Avukati li jservu f’Għawdex karba kostanti u ripetittiva li s-sitwazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex hi għalkollox inaċċettabbli. F’kull sens. Nuqqas ta’ spazji. Nuqqas ta’ ħaddiema. Nuqqas ta’ ppjanar. Nuqqas ta’ ħsieb. Nuqqas ta’ way forward.

Saret impossibbli għall-Maġistrati u l-Avukati li jservu f’din il-Qorti li jaħdmu b’mod seren u trankwill. Saret impossibbli għall-ftit ħaddiema li hemm iservu fil-Qorti ta’ Għawdex li jlaħħqu mal-volum ta’ xogħol li jkun irid isir.

Fi ftit kliem għandek falliment dirett minn żewġ Ministri partikulari… il-Ministru Jonathan Attard li hu responsabbli mid-dekasteru tal-Ġustizzja u mill-Ministru Clint Camilleri li hu responsabbli mid-dekasteru dwar Għawdex.

U żvolta ġdida f’din is-saga infinita seħħet fil-jiem li għaddew meta l-Maġistrat Brigitte Sultana li sservi fil-Qorti ta’ Għawdex spiċċat kienet kostretta tipposponi s-seduti kollha tagħha mill-Ħamis li għadda, 25 ta’ Jannar sa xahrejn oħra wara li kienet mgħarrfa mit-Tmexxija tal-Qorti li  m’hemmx awla disponibbli fejn setgħet isservi.

Kien f’dan ix-xenarju li l-Maġistrat Brigitte Sultana tat digriet li bih informat lill-partijiet tal-Qorti bil-posponiment tagħha proprju wara li l-kwistjoni tressqet għall-attenzjoni tagħha.
“Peress li l-Qorti ġiet infurmata li fil-25 ta’ Jannar, 2024 m’hemmx awli disponibbli fil-Qorti ta’ Għawdex, din il-Qorti hija kostretta li tipposponi l-kawżi tal-25 ta’ Jannar,” kien jgħid id-digriet li żiede li fil-25 ta’ Jannar kienu se jsiru dawk is-seduti biss li kienu qegħdin jistennew li tingħata sentenza, iżda dawn kellhom jibdew siegħa qabel… fit-8 am. Il-Maġistrat iddifferiet il-każijiet l-oħra kollha għall-20 ta’ Marzu 2024.

Din l-iżvolta mhix l-ewwel waħda tax-xorti tagħha fir-rigward tal-Qorti ta’ Għawdex hekk kif fis-snin li għaddew ittieħdu diversi azzjonijiet li l-iskop tagħhom kien wieħed sempliċi ħafna… dak li l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u l-Ministru responsabb minn Għawdex jindirizzaw il-qagħda mwiegħra li jinsab fiha l-Qorti ta’ Għawdex.

Din hi saga li l-Maġistrati, l-Avukati, il-ħaddiema tal-Qorti u dawk kollha li b’xi mod imissu mal-Qorti ta’ Għawdex ilhom għaddejjin minnha bosta snin taħt Gvernijiet Laburisti sal-punt li f’Lulju tal-2016 l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħabbret li kienet ħarġet il-permess għall-iżvilupp ta’ post ġdid għall-Qorti t’Għawdex!

Dakinhar fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar kienet qalet li se tiffaċilità l-proċess għar-rilokazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja f’Għawdex u kienet spjegat li l-bini tal-Qorti l-ġdid f’Għawdex se jkun qiegħed jinbena fiċ-ċentru tar-Rabat!

Kienet qalet l-Awtorità tal-Ippjanar dakinhar li flimkien mal-Qorti ta’ Għawdex kien se jkun żviluppat parkeġġ ta’ sitt sulari, bl-ewwel livell se jkun riservat għall-Maġistrati u l-ħaddiema, filwaqt li s-sulari l-oħra, li jinkludu 441 parkeġġ, se jkunu għall-pubbliku!

Sussegwentement – u tajjeb li nkomplu nfakkru dan kollu – fil-jiem ta’ wara Anton Refalo li kien il-Ministru għal Għawdex, kien ħabbar li f’qasir żmien il-Qorti ta’ Għawdex kienet se toħroġ miċ-Ċittadella u fis-sit fejn kien hemm il-Qorti ta’ Għawdex – ċioè fejn għadha hemm il-Qorti ta’ Għawdex – kellha tkun żviluppata Boutique Hotel! 

Fi żvilupp ieħor fil-bidu tal-2018 mill-Parlament kienet ħarġet informazzjoni oħra interessanti meta l-Eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kienet qalet li l-Qorti l-ġdida f’Għawdex kellha titlesta fl-2022!

Dakinhar fil-Parlament Justyne Caruana kienet wieġbet Mistoqsija Parlamentari u qalet li dan il-proġett kellu jiġi jiswa ċirka €5.5 miljun, minbarra l-VAT.

Skont l-Eks Ministru Justyne Caruana dakinhar ix-xogħol ta’ bini kellu jibda wara li jiġu approvati t-tibdiliet fil-pjan lokali mill-Awtorità tal-Ippjanar!

Naturalment mill-kliem u l-wegħdiet għall-fatti hemm il-baħar jikkumbatti u fil-verità minn dak kollu li kienu qalu Anton Refalo u Justyne Caruana ma ġara assolutament xejn bl-Avukati li jservuf il-Qorti ta’ Għawdex – allura issa konna dħalna f’Ottubru tal-2021 – bdew jippressaw għal risposti dwar kif u meta se jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li kienu qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum darba jattendu għax-xogħol fil-Qorti ta’ Għawdex.

Fil-fatt bħala protesta għas-sitwazzjoni mwiegħra fil-Qorti ta’ Għawdex l-Avukati li jipprattikaw fil-Qorti ta’ Għawdex bdew ma jattendux għas-seduti f’din il-Qorti għax kienu tal-fehma li dan hu l-uniku mod biex għadd ta’ ilmenti li kellhom u għad għandhom, jiġu indirizzati f’qasir żmien u b’mod effettiv.

L-Avukati kienu bdew din l-azzjoni minħabba nuqqas ta’ ħaddiema fil-Qorti ta’ Għawdex, minħabba diffikultajiet fl-operat u ta’ natura amministrattiva u minħabba nuqqasijiet serji fil-binja antika tal-Qorti fiċ-Ċittadella.

Dakinhar fl-azzjoni tagħhom l-Avukati kienu żammet lil hinn mill-binja fiċ-Ċittadella bit-tama li jkollhom risposti ċari dwar kif u meta se jitranġaw in-nuqqasijiet identifikati.

Dakinhar huma kienu semmew in-nuqqas ta’ ħaddiema u enfasizzaw li dan kien qiegħed jikkawża diffikultajiet fl-operat u fl-amministrazzjoni fosthom li proċessi mhumiex jinstabu, mhu jiġi skenjat xejn, traskrizzjonijiet mhux isiru fil-ħin, dokumenti mhux jiġu proċessati u għalhekk mhux jaslu għand il-ġudikanti, u d-digrieti mhux jiġu komunikati lill-partijiet interessati.

Dakinhar l-Avukati kienu lmentaw ukoll minn dawk li sejħu bħala nuqqasijiet serji fil-binja tal-Qorti li ġew elenkati wkoll f’rapporti tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà li kienu wrew biċ-ċar li l-binja mhix aċċessibbli.

Persuni f’siġġu tar-roti jew bi problemi serji ta’ mobbiltà jridu jintrefgħu biex jidħlu fil-binja, jew biex minn isfel jitilgħu għall-awli fis-sular ta’ fuq, għax m’hemmx alternattiva għat-taraġ għoli. Anke fl-istess sular hemm diffikultajiet minħabba diżlivelli u l-faċilitajiet sanitarji mhumiex adattati.

L-isfidi għal persuni b’diffikultà fil-mixi jibdew saħanistra biex jaslu sal-għatba tal-Qorti minħabba telgħa wieqfa.

Dakinhar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà kienet qalet li l-aktar soluzzjoni effettiva għall-isfidi li jeżistu fil-binja tal-Qorti ta’ Għawdex hi li tiċċaqlaq għal post ġdid.

Fi żvilupp ieħor, issa f’Lulju tal-2022 kien irriżulta li l-Qorti ta’ Għawdex kienet ilha sitt xhur mingħajr is-servizz ta’ Deputt Reġistratur u snin sħaħ mingħajr assistant.

Dakinhar kien irriżulta li d-diversi nuqqasijiet fil-Qorti ta’ Għawdex kienu għadhom ma ġewx indirizzati minkejja l-istrajk tal-Avukati Għawdxin fis-sena l-oħra u li kien wassal għall-waqfien totali tal-parti l-kbira tas-seduti f’dan il-Qorti.

Kien stabbilit dakinhar li minkejja li kienet intlaħqet persuna fil-pożizzjoni ta’ Deputat Reġistratur, din il-kariga kienet vakata f’April ta’ dik is-sena wara biss sitt xhur. Il-pożizzjoni kienet imtliet min-naħa tal-awtoritajiet biex jissodisfaw lill-Avukati Għawdxin li kienu għaddejjin bi strajk minħabba dawn in-nuqqasijiet.

Għal darba oħra l-Avukati Għawdxin dakinhar saħqu li kien hemm nuqqasijiet kbar fil-Qorti ta’ Għawdex u li kien ilhom snin biex jiġu indirizzati.

L-Avukati Għawdxin kienu saħqu wkoll li kemm il-bini u kemm is-sistema interna tal-Qorti Għawdxija kien jenħtiġilhom aġġornament qawwi biex jaqdi l-bżonnijiet tal-poplu u tal-ħaddiema.

Dakinhar saħansitra kien hemm min fost l-Avukati Għawdxin min kien ipponta subgħajh lejn l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti (CSA) u kien saħaq li mindu nħolqot, il-Qorti ta’ Għawdex kienet marret lura.

Quddiem aktar pressjonijiet mill-Avukati Għawdxin biex il-Gvern jagħmel xi ħaġa konkreta biex din is-sitwazzjoni tkun indirizzata u rranġata, daħal fix-xena l-Ministru Jonathan Attard li beda jassumi r-responsabbiltà tad-dekasteru tal-Ġustizzja.

Jonathan Attard, f’Settembru tas-sena l-oħra, kien ikkwotat jgħid li se tiġi identifikata propjetà f’Għawdex għall-binja ġdida li sservi bħala Qorti li taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-gżira! Dan bis-serjetà?

Mistoqsi kemm saru applikazzjonijiet għal binjiet ġodda, Jonathan Attard ammetta li ma kienx jaf l-ammont eżatt ta’ sottomissjonijiet imma li l-ammont kien wieħed “sostanzjali”.

Il-wegħda ta’ bini ġdid f’Għawdex li jservi bħala Qorti kienet ilha fis-seħħ għadd ta’ snin biex titwettaq u dakinhar il-Ministru Jonathan Attard ħareġ jgħid li kellu pjan!

Għal darba oħra mill-kliem għall-fatti hemm il-baħar jikkumbatti u anqas Jonathan Attard m’għamel xejn konkret fis-snin li għaddew biex jindirizza l-kwistjoni.

Is-saga ta’ binja ġdida ta’ Qorti f’Għawdex ċertament mhix proposta ġdida għall-Għawdxin li ilhom snin jisimgħu li se jkollhom Qorti ġdida, bil-Ministru Jonathan Attard jissokta jgħid li qed isiru l-evalwazzjonijiet!

Ta’ min ifakkar li sa ħames xhur ilu l-istess Ministru Jonathan Attard kien qal li se tiġi identifikata propjetà f’Għawdex għall-binja ġdida li sservi bħala qorti li taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-gżira!

Quddiem din il-pastażata manja ta’ dan il-Gvern Laburista mbagħad l-iżvolta mill-Maġistrat Brigitte Sultana; żvolta li wasslet biex għal darba oħra d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġustizzja, jistqarr li dan id-digriet tal-Maġistrat Brigitte Sultana hu  “tal-mistħija” għall-fatt li f’dawn iż-żminijiet il-Qrati Għawdxin jinsabu f’dan l-istat.

Hu kkritika lill-Gvern Laburista talli naqas milli jonora l-wegħda tiegħu ta’ ħdax-il sena ilu li jibni Qorti ġdid. “Dan hu r-riżultat ta’ pika bejn Anton Refalo, Justyne Caruana u Clint Camilleri. Huma għandhom diverġenza fil-konfront ta’ xulxin u b’riżultat ta’ dan huma n-nies li jbatu. Iwiegħdu ħafna imma ma jwasslu għal xejn,” stqarr Karol Aquilina.

Il-Gvern Laburista ilu li wiegħed il-bini ta’ Qorti ġdida f’Għawdex. Madankollu, minkejja li tressqu diversi pjanijiet matul l-aħħar għaxar snin, l-ebda wieħed mill-proġetti qatt ma immaterjalizza. Il-Qorti ta’ Għawdex tiffunzjona minn binja antika fiċ-Ċittadella li mhix adattata għall-bżonnijiet tal-lum; binja kkaratterizzata minn nuqqas kbir ta’ spazju.