Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jħaddem politika li tindirizza l-prijoritajiet tal-poplu” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli jħaddem politika qalb in-nies…politika li tindirizza l-prijoritajiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saret il-Ħadd filgħodu fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż Żebbuġ fejn tkellem dwar diversi temi fosthom il-protesta tal-bdiewa, l-iskema tal-prezzijiet, ir-riforma fil-Qorti tad-Droga, is-settur tas-Saħħa u Għawdex.

Bernard Grech saħaq fuq l-importanza tas-sigurtà tal-ikel fejn qal li pajjiżna jeħtieġ li jinvesti aktar fil-prodott lokali. Meta tkellem dwar il-protesta li għamlu l-bdiewa din il-ġimgħa huwa qal li l-bdiewa bħalissa għaddejjin minn diversi sfidi filwaqt li aċċenna li hija r-responsabbiltà tal-Gvern immexxi minn Robert Abela li jinnegozja l-aħjar pakkett possibbli għalihom.

Huwa qal li jidher ċar li Robert Abela mhuwiex qed jindirizza l-prijoritajiet tal-poplu hekk kif għandu l-problemi mal-bdiewa u mal-edukaturi kif ukoll kellu problema mal-infermiera.

Meta mistoqsi fuq l-iskema tal-prezzijiet Bernard Grech fakkar li l-Partit Nazzjonalista huwa favur kull inizjattiva li tnaqqas il-piż tal-għoli tal-ħajja filwaqt li spjega li din l-iskema x-xirja xorta waħda baqgħet tiżdied fil-prezz dan filwaqt li prodotti li jinxtraw ta’ kuljum ma’ ġewx inklużi. Hawnhekk huwa fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-Gvern ikun jista’ jindirizza l-pjaga tal-għoli tal-ħajja fosthom li l-COLA ma tkunx intaxxata kif ukoll li jkun hawn Fond Nazzjonali li jgħin lill-importaturi u l-esportaturi.

Fuq ir-Riforma tal-Qorti tad-Droga l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din ir-riforma hija waħda nkwetanti ħafna dan għaliex ħafna nies jafu li jekk persuna jkollu mijiet ta’ pilloli fil-pussess tiegħu dawn żgur mhumiex għal użu personali. Hawnhekk Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela qata’ qalbu mill-ġlieda kontra d-droga.

Meta mistoqsi fuq is-sitwazzjoni tas-settur tas-saħħa f’pajjiżna Bernard Grech qal li huwa evidenti li l-Gvern m’għandux pjan għal dan is-settur. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fil-proposti għas-settur tas-saħħa fosthom li ssir rijabilitazzjoni fl-Isptar San Luqa u li jinbena sptar ġdid f’Għawdex.

Rigward Għawdex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li rridu nieħdu l-ambjent ta’ dan il-Gżira dan filwaqt li fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex.