Kultura Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lil Sarah Bonnici

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lil Sarah Bonnici għas-suċċess li kisbet meta s-Sibt filgħaxija rebħet il-finali tal-Malta Eurovision Song Contest 2024. B’din ir-rebħa, Sarah Bonnici se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest, li se jsir f’Malmo, fl-Iżvezja f’Mejju li ġej.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jawgura wkoll lill-parteċipanti kollha tal-konkors għall-impenn tagħhom biex iżommu ‘l fuq isem pajjiżna fix-xena mużikali ewropea.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg kif ukoll mix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir kbir li l-konkors ta’ din is-sena kien wieħed fejn il-PBS naqas milli jilħaq il-livell mixtieq għal avveniment ta’ importanza nazzjonali bħal dan. Is-serata finali kienet waħda ta’ livell baxx u ħalliet diżappunt kbir fost bosta nies. U dan meta dan il-konkors jittella’ grazzi għat-taxxi tagħna lkoll.

Il-PBS, li hu ffinanzjat mill-poplu, naqas lill-istess poplu, naqas lill-kantanti nfushom, iżda naqas ukoll lill-ħaddiema u l-preżentaturi tal-PBS. Dawn tal-aħħar għamlu minn kollox biex jgħattu l-medjokrità ta’ dak li ddeċidiet li tagħmel it-tmexxija tal-PBS.

Kien ċar li n-nuqqas ta’ udjenza waqt is-serata finali wassal biex il-kantanti u l-preżentaturi kellhom jagħmlu sforz ferm akbar biex iżommu s-serata għaddejja, speċjalment ukoll meta din suppost li kienet diretta, iżda fil-fatt, partijiet kbar minnha ma kienux diretti. Hawn ukoll, il-PBS qarraq bit-telespettaturi. Xi jżomm lill-PBS milli jqarraq f’affarijiet oħrajn, bħall-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti?

Hi ħasra li t-tmexxija tal-PBS, partikolarment iċ-Chairman Mark Sammut u dak responsabbli mill-Operat (COO) Charles Dalli, tinsulenta lill-artisti, lill-ħaddiema u lill-poplu b’dan il-mod, speċjalment meta l-istess PBS hu ffinanzjat mill-istess poplu, li jistenna u jixraqlu ferm aħjar minn hekk.