Il-Ħadd filgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann saret ċelebrazzjoni favur il-Ħajja Umana mill-Konċepiment; ċelebrazzjoni li għaliha kien hemm preżenti l-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella.
Il‑Malta Unborn Child Platform twaqqfet ħamsa u għoxrin sena ilu u sena wara l-oħra dan il-moviment kompla jaħdem sabiex jippromovi r-rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet tat-tarbija li tkun se titwieled, u l-protezzjoni u l-iżvilupp tagħha.
Waqt l-omelija l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Joseph Galea Curmi qal li huwa importanti li jkollna etika konsistenti favur il-ħajja umana. Huwa spjega li kultant hemm l-idea żbaljata li jekk persuna taċċetta l-ħajja umana ġdida, issejħilha tarbija li qed tistenna filwaqt li jekk tkun irrifjutatha jsejħulha ftit ċelloli insinifikanti. Huwa aċċenna li għandna nemmnu li l-ħajja umana hi xbieha ta’ Alla dejjem, ukoll meta għadha fil-bidu tagħha.
L-Isqof Awżiljarju tkellem ukoll dwar l-isfida tad-droga fejn qal li sa ftit snin ilu bħala soċjetà konna nitkellmu kontra d-droga għaliex tħalli effetti ta’ ħsara fuq il-vittmi u fuq is-soċjetà. Iżda huwa spjega li riċentament xi wħud qasmu d-droga f’dik li hi ħażina u dik li hi aċċettabbli, anzi li tista’ tkun mezz ta’ rikreazzjoni. Huwa qal li kaġun t’hekk se jbatu l‑ġenerazzjonijiet futuri li jitilgħu f’dan l‑ambjent fejn jedhew jagħmlu ħsara lilhom infushom.
Rigward l-isfida tal-ambjent l-Isqof Awżiljarju qal li jekk ma nipproteġux l-ambjent, inkunu qegħdin inniġġsu l-arja li nieħdu nifs minnha. Huwa qal li pajjiżna m’għandux jinbidel f’panorama jew f’geġwiġija ta’ konkos, ta’ siment u ta’ sulari. Meta ġurnata wara l-oħra naraw quddiem għajnejna din il-qerda f’pajjiżna, din thedded il-ħajja tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Huwa sostna li l-ħajja rridu nipproteġuha u ngħożżuha mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, f’kull waqt tagħha u sat-tmiem naturali tagħha. Il-mument li nagħmlu eċċezzjoni f’xi waqt, inkunu qed nintroduċu theddida għall-ħajja, mhux biss ta’ xi ħadd imma ta’ kulħadd.
//= $special ?>