L-Iran ikkundanna l-aħħar attakki mill-ajru tal-Istati Uniti fuq l-Iraq u s-Sirja bħala ‘żball strateġiku’ li għandu jħalli konsegwenzi mill-aktar serji għar-reġjun kollu.
Nhar il-Ġimgħa, il-qawwiet Amerikani laqtu madwar 90 mira fl-Iraq u s-Sirja li kienu indikati bħala bażijiet ‘u interessi oħra’ tal-gruppi militanti li qegħdin jingħataw l-appoġġ mingħand ir-reġim Iżlamiku f’Tehran.
L-azzjonijiet kienu ritaljazzjoni għal attakk bi drone fuq bażi militari tal-Istati Uniti fil-Ġordan u li kien sewa l-ħajja ta’ tlett suldati Amerikani. Il-White House ta’ Washington, wara, akkuża ‘lill-ħbieb u alleati tal-Iran’ għal dik l-azzjoni qattiela.
L-Iran, issa, qed jgħid li l-attakki fuq l-Iraq u s-Sirja ma qdew l-ebda skop u servew biss biex jintensifikaw it-tensjoni u l-instabbilità madwar il-Lvant Nofsani.
//= $special ?>