Għawdex Lokali Qorti

Raġel mixli b’diversi serqiet madwar Malta u Għawdex

Raġel ta’ 30 sena mir-Repubblika ta’ Cabo Verde u residenti l-Imsida, tressaq fil-Qorti t’Għawdex matul il-jum tas-Sibt, b’rabta ma’ diversi każijiet ta’ serq u attentati ta’ serq.

Stħarriġ li sar mill-Pulizija wassal biex l-allegat ħalliel ġie identifikat u arrestat b’rabta ma’ żewġ serqiet minn banka tal-lottu fl-Imsida li seħħew f’Novembru 2023 u Jannar 2024.

Huwa ġie akkużat ukoll li f’Jannar li għadda pprova jisraq minn pompa tal-fjuwil u uffiċju fl-Imsida stess.

F’Diċembru 2023 huwa wettaq serqa minn banka tal-lottu fl-Iklin, kif ukoll seraq minn pompa tal-fjuwil fix-Xewkija, Għawdex u f’nofs ix-xahar li għadda huwa wettaq serqa oħra fix-Xewkija minn ħanut taż-żebgħa.

Ir-raġel kien akkużat ukoll li wettaq ħsarat fil-postijiet fejn wettaq is-serqiet, kif ukoll li laqa’ għandu diversi oġġetti misruqa.

Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech huwa wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Is-sentenza mistennija tingħata aktar tard dan ix-xahar.