Internazzjonali

Stati Uniti: Konferma qawwija għall-President Biden fil-primarji ta’ South Carolina

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden kiseb rebħa konvinċenti fil-primarji li saru fl-Istat ta’ South Carolina u meta kollox qed jindika li, f’Novembru, il-pajjiż se jassisti għal taqtigħa oħra bejnu u r-rivali kbir tiegħu. Donald Trump, għall-kontroll tal-White House.

Fl-aħħar elezzjoni, Biden kien kiseb rebħa kontroversjali fuq Trump, l-eks President Repubblikan, u fl-aħħar sigħat hu wiegħed biex, f’Novembru, jagħti telfa oħra lir-rivali li hu kważi konfermat bħala l-kandidat uffiċjali tal-Partit tiegħu.

Il-vot f’South Carolina issimbolizza l-ewwel primarji uffiċjali tal-Partit Demokratiku qabel l-elezzjoni ta’ Novembru–  u meta jidher li Biden ftit li xejn għandu kompetizzjoni serja għan-nomina tal-partit tiegħu

Il-President Biden, sadanittant, fakkar fil-vot ta’ kważi erba’ snin ilu f’South Carolina u fejn il-votanti kienu  taw spinta lill-kampanja presidenzjali tiegħu. U waqt li tkellem dwar l-iżviluppi tal-2020, Biden sostna li ma għandu l-ebda dubju li l-Istat ta’ South Carolina  mill-ġdid għandu jkun strumentali għalih biex ikompli fit-triq tar-rebħ.

Kollox qed jindika li Biden rebaħ l-appoġġ mingħand il-55 delegat tal-Partit Demokratiku f’South Carolina. Dan ifisser li hu ta tkaxkira kbira lill-isfidanti Marianne Wiliamson u Dean Phillips li kisbu biss tnejn fil-mija tal-voti kull wieħed,.

Aktar minn kwart tal-popolazzjoni ta’ South Carolina huma suwed u fl-2020 kienu proprja r-residenti suwed ta’ danl-Istat li konfermaw l-ewwel suċċess għal Biden fl-impenn biex jisfida lil Donald Trump għall-Presidenza tal-pajjiż.