Lokali

Waqt li l-piż tal-għoli tal-ħajja qed jiżdied Abela jiftaħar bil-middle class il-ġdida

Arroganza, attakki partiġġjani wieħed wara l-ieħor.

Hekk ġie deskritt id-diskors politiku tal-Ħadd filgħodu indirizzat mill-Mexxej tal-Labour Robert Abela meta b’mod mill-aktar surreali f’attività politika fil-Mosta nesa’ għal kollox il-karba ta’ poplu – bi Gvern immexxi minnu poġġa settur tas-saħħa għarkupptejh, bl-għoli tal-ħajja jkompli jitfa piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin….u injora għal kollox il-kriżi li għandu fi ħdan il-Partit tal-Labour.

B’ħafna pompa, Robert Abela tkellem dwar ir-roħs ta’ 15-il tip ta’ prodott. Minkejja li Abela qed jgħid li raħsu 400 prodott, dan ma jfissirx li l-familji Maltin u Għawdxin se jaraw roħs f’400 tip differenti ta’ affarijiet li jixtru.

U fi kliem Abela stess…se tmur tixtri l-affarijiet u tarahom jgħolew…u jgħolew..u jergħu jgħolew.

Dan hekk kif il-lista fl-iskema…ma tinkludix ħobż, ħalib lokali, frott u ħaxix, għajr għal piżelli, spinaċi u brokkli friżati.

 M’hemmx bajd inklużi..m’hemmx żejt, m’hemmx prieżet, m’hemmx ġobon – m’hemmx detergents, m’hemmx roħs fil-ħrieqi jew ikel għall-annimali domesti… u wisq inqas karta iġenika. Dan minkejja li b’tant pompa saħaq li raħħas il-prodotti essenzjali.

Dan minkejja li qed jibqa’ jinjora l-appelli tal-MEA sabiex jieqaf jintaxxa l-għajnuna tal-COLA u jdaħħal €40 miljun mit-taxxi tal-familji Maltin u Għawdxin.

Surrealment Abela, wara li l-Gvern tal-Labour ħaddem fuq mudell ekonomiku li jibbaża fuq il-kwantità minflok fuq il-kwalità  – li żied il-popolazzjoni b’mod eżorbitanti….mingħajr ma’ ħejja b’mod sew l-infrastruttura tal-pajjiż… issa qed jgħid li għandu s-soluzzjonijiet.

U wara li ż-żufjetta bil-Partit Nazzjonalista għal xhur sħaħ, finalment iddeċieda li jipproċedi bl-iskill cards għal ħaddiema barranin.

Qabel Abela indirizza l-attività politika l-kandidat Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u eks wiċċ ta’ Project Green…. Steve Ellul b’tant pompa sostna li l-Labour bena middle class ġdida.

Middle class ġdida, minkejja ż-żieda f’dawk li jużaw is-soup kitchens, fin-nies bla saqaf fuq rashom, żieda fl-ammont ta’ nies li jispiċċaw joħorġu għax-xogħol minn full-time għal part-time mingħajr ma jqattghu ħin biżżejje ma’ uliedhom biex ilaħqu mal-ħajja…. b’esperti issa qed jgħidu li l-faqar li hawn huwa simili ta’ żmien il-gwerra.