Lokali

“Appoġġ assolut għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna” – Il-President Vella

Kundanna assoluta għal-gwerra tar-Russja fuq l-Ukrajna u l-ħtieġa biex kemm Iżrael kif ukoll l-Istat Palestinjan jimxu mal-liġijiet internazzjonali.

Kien dan l-appell illi wassal mill-ġdid il-President ta’ Malta George Vella meta t-Tnejn filgħodu laqa’ f’pajjiżna lilll-President tal-Latvja, hekk kif beda żjara statali f’Malta. Bl-ewwel impenn ikun iż-żjara li kellu fil-Palazz  ta’ Sant’ Anton, fejn kien milqugħ ukoll mill-Fozi Armati ta’ Malta li daqqew l-innijiet nazzjonali kemm tal-Latvja kif ukoll ta’ Malta.

Il-President Vella spjega kif flimkien ma’ Edgars Rinkēvič tkellem dwar ħafna temi importanti; fostom miżuri bilaterali kif ukoll dwar il-possibilta ta’ aktar ħidma biex jiġi inċentivat it-tkabbir ekonomiku bejn iż-żewġ pajjiżi.

Dwar il-gwerra fil-Lvant Nofsani l-President Vella qal li huwa jappoġġja s-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li tindirizza t-tħassib u l-aspirazzjonijiet leġitimi taż-żewġ naħat.

Il-President għamel appell ukoll sabiex tiġi indirizatta aħjar il-kwistjoni tal-imigrazzjoni irregolari u anka l-problema tat-trafffikar tal-bnedmin.

Minn naħa tiegħu l-President tal-Latvja qal li hu ukoll għandu xewqa li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u Latvja jkomplu jissaħħu, waqt li l-istess bħal-President George Vella stqarr li l-Unjoni Ewopea għandha tkompli tagħti l-għajnuna kollha neċċessarja li l-Ukrajna għandha bżonn.

Intant, wara nofsinhar, il-President tal-Latvija kellu wkoll laqgħa programmata mal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Bernard Grech – laqgħa li matulha qam mill-ġdid il-punt dwar l-importanza ta’ relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Vici Kap tal-PN Alex Perici Calasione, mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami, mix-Shadow Minister għat-Trasport Mark Anthony Sammut, u minn Beppe Galea, Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista.