Anke l-Editorjal tal-ġurnal ‘L-Orizzont’ ħareġ jikkritika lill-Gvern wara l-iskema tal-prezzijiet li daħlet fis-seħħ il-ġimgħa li għaddiet. Dan hekk kif fi kliemu stess spiċċa tefa’ lill-prodott lokali fi żvantaġġ ma’ dak impurtat.
F’din l-iskema li għamel il-Gvern sabiex jipprova jikkontrolla l-għoli tal-ħajja, minflok inċentiva x-xogħol tal-bdiewa lokali, għażel li jżomm stabbli l-prezzijiet ta’ ħaxix iffriżat – fejn warrab kompletament il-prodott li ġej mill-għelieqi tagħna.
Il-ġurnal tal-GWU stqarr illi l-Gvern kellu “joqgħod attent li ma jpoġġix il-prodott lokali fi żvantaġġ ma’ dak impurtat.”
L-istess editorjal ifakkar ukoll li għalkemm ir-ristoranti qed jagħmlu minn kollox biex jipprovaw iservu prodotti ta’ kwalità – filwaqt li jżommu l-prezzijiet baxxi kemm jista’ jkun – għalihom, din qed tkun sitwazzjoni impossibli.
L-Orizzont isemmi wkoll il-fatt li bħalma l-konsumatur qed jissikka ċ-ċintorin quddiem l-isfida enormi tal-għoli tal-ħajja u l-familji bilkemm qed jaslu sal-aħħar tax-xahar, ir-ristoranti ukoll spiċċaw fl-istess sitwazzjoni. Bil-ġurnal ifakkar li dan ifisser biss inqas bejgħ għall-produtturi lokali.
Intant, kollox qed jindika li n-nies mhuma entużjażmati xejn bl-iskema tal-prezzijiet li daħlet fis-seħħ il-ġimgħa l-oħra – skema li ħalliet barra lista sħiħa ta’ prodotti essenzjali, fosthom il-ħobż, il-ħalib frisk, priżet u ġobnijiet, il-frott u l-ħaxix, bajd, dqiq, butir, żejt taż-żebbuġa – dawn kollha ma raħsux.
//= $special ?>