Lokali Parlament

Il-Maltin jistħoqqilhom mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità


Graham Bencini, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Finanzi Graham Bencini qal li l-Maltin jistħoqqilhom mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità.


Meta kien qed jitkellem fil-parlament Graham Bencini qal li l-budget hux qed jgħn liż-żgħir u lill-klassi medji għaliex in-nies għandhom problemi reali u jinsabu f’riskju ta’ faqar bl-inugwaljanzi finanzjarja tibqa’ tiżdied.


Hu qal li Fr.Hilary Tagliaferro ddikjara li l-faqar tal-lum hu l-istess bħal ta’ żmien il-gwerra tat li lejn tmien l-2023 il-Millenium Chapel introduċew servizzi għal dawk li m’għandhomx djar. Fr.Hilary qal li ma jiftakarx li qatt kien hawn faqar daqs illum fejn in-nies qed imorru jħabbtu l-bibien għall-ikel.


Rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali jgħid li Malta rkurpat sew mill-pandemija b’ekonomija reżiljanti iżda mhijiex tavvanza fil-governaza u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.


Malta tinsab fost l-agħar pajjiżi fl-UE fejn tidħol il-korruzzjoni u għandha demokrazija difettuża, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-intrapriżi żgħar huma inkwetanti fuq dan il-livell ta’ korruzzjoni.
Malta mhijiex ġusta taħt dan il-gvern għaliex ir-rata tal-faqar, inugwaljanza finanzjarji qed jiżdiedu waqt li 84% tan-negozji jgħidu li l-kompetittività hi mxekkla minħabba l-korruzzjoni.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li n-nefqa rikorrenti tal-gvern jidher li mhijiex problema għall-gvern u sostna li r-rapport tal-Fond Monterarju Internazzjonali wkoll jiddikjara li din hi problema għall-pajjiż.
Is-sena li għaddiet d-dejn żdied b’€1 biljun biex sal-2023, id-dejn tela’ għal €10 biljuni. Il-gvern qed ibassar li dan jitlaq għal €13-il biljun sa sentejn oħra, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li r-rata tad-dejn qed tikber b’rata ikbar minn dik fiż-żieda fil-PGD.


Fl-2023 l-imgħax kien €200 miljun li se jitla’ għal €350 miljun sa sentejn oħra. Hu tkellem dwar in-nefqa fejn il-kabinet il-ġdid se jiswa €21 miljun fis-sena; €1.5 miljun iktar minn dak li kien sew qabel ir-reshuffle. Dan il-kabinet u ferm ikbar minn dawk ta’ diversi pajjiż Ewropew fosthom il-Portugall u Spanja.


Graham Bencini tkellem dwar l-inflazzjoni u qal li r-rata hi imkwetanti tant li f’Jannar kienet stabbilità rata ta’ 3.7 % waqt li r-rataba medja fl-UE hi ta’ 2.8%.


B’reazzjoni għal dan, il-gvern daħħal skema li biha supost se jorħsu xi prodotti, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li dan mhux il-mod kif tindirzza din il-problema. Il-Kamra tal-Kummerċ kkritikat din l-iskema u qalet li din hi skema rigressiva.


Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-Fondazzjoni Marigold li nefqet mijiet ta’ eluf f’nefqiet mhux spjegati u qal li hemm ħafna ċirkostanzi oħra li fihom qed isir infieq bla limitu fosthom f’attivitajiet tal-Kummissjoni tal-Films.


Hu qal li l-Ministeru għal Għawdex ħela €3 miljuni fid-dar għall-anzjani f’xogħlijiet li kellhom isiru aħjar u sostna li l-gvern ħela €1 miljun minn fondi pubblika għall-propoganda Laburista.


Graham Bencini qal li l-gvern qed jonfoq ħafna iktar miljuni fuq diversi proġett fejn fuq il-pixxina intefqu €6 miljuni iktar, fuq il-Mużew ta’ Għawdex intefqu €3 miljuni żejda, fuq il-patrol boats tal-FAM intefqu €14-il miljun żejda, fuq il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali intefqu €60 miljun żejda, fil-kumpless tat-tennis f’Pembroke intefqu €1.5 miljun żejda u fil-pixxina ta’ Għawdex intefqu €7 miljuni żejda.


Hu tkellem dwar il-popolazzjoni u qal li fl-aħħar 10 snin il-popolazzjoni żdied bi 28%. Ma jistax ikun li l-popolazzjoni tibqa’ tiżdied kif sar fl-aħħar 10 snin għaliex il-pajjiż hu żgħir u ma jiflħax. Din is-sitwazzjoni qed iġġib piżijiet fuq diversi setturi fosthom l-isptarijiet.


Dan il-mudell ekonomiku qed iwassal biex madwar 70% taż-żgħażagħ iridu jitilqu mill-pajjiż. Il-kwalità tal-ħajja wkoll qed tkun effettwata tant li hu stabbilit minn rapporti internazzjonali li din ilha nieżla mill-2015. Il-pajjiż jeħtieġ mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq il-kwalità.


Graham Bencini qal li l-gvern ma kellux pjan dwar il-cryptocurrency u ma tkellimx mal-banek biex jinfetħu l-kontijiet għall-kumpaniji interessati. Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan mhux il-mod kif jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda.