Raġel ta’ 34 sena minn Bormla ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li nhar is-Sibt li għadda bejn it-8pm. u l-11pm. flimkien ma’ persuna oħra seraq b’ kemm jiswew 791 euro f’muniti minn residenza fl-Isla.
Il-vittma nduna bis-serqa li wettaq Bjorn Brown, fejn qabdu fil-fatt, liema imputat għandu problema akuta ta’ droga. Kien hemm qbil bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni li tingħata sentenza sospiża wara li qal lill-Maġistrat Elaine Rizzo li huwa kkopera mal-Pulizija sa mill-bidu nett.
Il-partijiet qablu li l-imputat m’għandux jingħata piena ta’ ħabs effettiva u għandu jingħata l-għajnuna kollha possibbli. Għaldaqstant wara li Brown ikkonferma l-ammissjoni tiegħu, minbarra sentenza sospiża jħallas għan-nofs id-danni u nħareġ ordni ta’ trattament għal sentejn fil-konfront tal-ħati.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Farrugia li kien mgħejjun mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Brown dehret l-Avukat Fiona Schembri, bħala avukat tal-għajnuna legali.
//= $special ?>

