Lokali Qorti

Jiżdiedu l-akkużi b’rabta mad-droga li nstbet f’karozza ġejja minn Pozzallo

Sewwieq li l-Ħadd, 21 ta’ Jannar ġie akkużat bi traffikar ta’ droga wara li uffiċjali tad-dwana u kelb sabu ħaxixa tal-cannabis fil-karozza tiegħu eżatt kif niżel minn fuq il-Katamaran waqt li kien ġej minn Sqallija żdidulu l-akkużi wara li aktar stħarriġ mill-Pulizija sabu li allegatament kien qed jikkultiva aktar pjanti li nstabu f’appartament fil-Mellieħa, fejn hemm b’kollox nstabu 152 pjanta.

Dan ħareġ fil-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Nemanja Bozin, ċittadin Serb ta’ 36 sena li jgħix il-Wardija, li jinsab akkużat bi traffikar ta’ droga. Il-prosekuzzjoni qed tgħid li meta hu kien għadu kemm niżel mill-katamaran minn Pozzallo nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Jannar meta numru ta’ klieb li ntbagħtu fil-post mill-ewwel qajmu suspett. Minn tfittxija li saret fil-vettura rriżulta li ħaxix tal-cannabis fil-parti ta’ quddiem tal-karozza u anke f’kontenitur.

Is-sewwieq spiċċa arrestat u ġie mixli bl-allegat involviment f’konfoffa ta’ traffikar ta’ droga, importazzjoni ta’ ħaxix tal-cannabis kif ukoll li kellu d-droga f’ċirkustanzi li jindikaw li ma kinitx maħsuba biss għall-użu personali. L-akkużat – ħaddiem tal-manutenzjoni abbord bastimenti – qed iwieġeb mhux ħati.

Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, il-prosekuzzjoni żiedet l-akkużi li jgħidu li fil-25 ta’ Jannar u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel Bozin ikkoltiva l-pjanta cannabis, li kien fil-pusses tagħha f’ċirksostanzi li ma kinitx għal użu personali tiegħu.

Diversi xhieda li jinkludu fizzjali mid-dwana għarfu lill-akkużat fl-awla. Dawn qalu li kellhom informazzjoni mill-Pulizija ta’ kontra d-droga li persuna b’vettura BMW x’aktarx kienet se tasal Malta minn Pozzallo fejn fiha seta’ ġiet mportatat xi droga.

Ħareġ li meta l-Pulizija marru fuq l-akkużat kelb partikolari nnota xi ħaġa suspettuża mal-bumper ta’ quddiem. Wara din l-ispezzjoni ġie deċiż li l-karozza tittieħed l-Freeport biex tiġi skennjata. Wara li dan il-proċess irriżulta fil-pożittiv, il-karozza ittieħdet fil-garaxx tal-Pulizija fejn hemm instabet l-allegata droga,

L-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u John Leigh Howard qed imexxu l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Roberta Bonello hija l-avukat difensur. Il-kumpilazzjoni se tkompli fis-19 ta’ Frar, fid-9.15pm.