Futbol Sport

L-Ispartans konvinċenti, Floriana jżommu l-pass u ftit jinbidel fin-naħa t’isfel

(Ritratt: Joseph Galea)

Ħamrun Spartnas żammew il-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier b’rebħa konvinċenti ta’ 4-1 fuq Naxxar Lions.  Din kienet rebħa ta’ kontinwità mill-Ispartans wara dik ta’ 7-1 kontra Balzan il-ġimgħa li għaddiet. Aktar minn hekk huma ngħataw aħbar tajba oħra lejn tmiem il-ġimgħa meta l-protest li għamlu Hibernians dwar Christian Rutjens ma’ ġiex milqugħ. Kienet logħba li Ħamrun fetħu tajjeb mill-ewwel iżda Naxxar Lions kisbu l-gowl tad-draw fejn ħasduhom xi ftit, iżda fit-tieni 45 minuta l-Ispartans kienu dominanti biex għal darb’oħra rebħu b’mod konvinċenti. Jidher li t-tim immexxi minn Luciano Zauri jinsab fl-aqwa forma bħalissa fejn minkejja li l-vantaġġ fuq it-tieni tim klassifikat, Floriana huwa wieħed minimu, xorta huma l-favoriti li jżommu t-titlu.

Luke Montebello ta’ Ħamrun jipprova jaqbeż lil Ryan Cassar ta’ Naxxar (Ritratt: Joseph Galea)

Logħba ferm kumbattuta kienet dik bejn Floriana u Birkirkara, prattikament il-partita prinċipali tal-15-il ġurnata tal-Kampjonat. Floriana irnexxielhom jieħdu tliet punti ferm importanti hekk kif għelbu lit-tim diffiċli ta’ Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1.  Logħba li rat lit-tim ta’ Mauro Camoranesi jkompli jsaħħaħ it-tieni post tal-klassifika. Wara li fl-ewwel round Floriana kienu għelbu lill-Istripes bl-iskor ta’ 2-0, din id-darba l-kompitu kien aktar diffiċli. Logħba li Floriana fetħu l-iskor iżda wara li Birkirkara kisbu d-draw baqgħu jemmnu biex fl-aħħar minuti tal-logħba kisbu l-gowl tar-rebħa mis-solitu Kemar Reid. Il-Greens kienu l-aktar tim attiv fis-suq tat-trasferimenti f’Jannar bl-akkwist ta’ ħames players fejn żgur li jridu jkunu armati sa’ snienhom għall-aħħar parti tal-istaġun. Birkirkara jidher li ser ikun staġun ta’ tim f’nofs il-klassifika jekk ma’ jseħħx bħas-sena li għaddiet u jsalvaw ġildhom bl-FA Trophy. 

Jake Grech jifraħ ma’ Kemar Reid wara l-gowl tar-rebħa (Ritratt: Catriel Farrugia)

Hibernians kisbu d-double fuq il-ġirien Santa Lucia hekk kif huma rebħu  bl-iskor ta’ 2-0 wara li fl-ewwel round Hibernians kienu rebħu l-konfront bir-riżultat ta’ 3-2. Tliet punti oħra importanti għall-Pawlisti fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għal post fl-Ewropa. Għal Santa Lucia din kienet it-tieni telfa konsekuttiva wara serje ta’ riżultati pożittivi li għenuhom sabiex jinqalgħu minn qiegħ il-klassifika. Kollox ma’ kollox kien riżultat ġust fejn għal Hibernians sab ix-xibka għat-tieni ġimgħa konsekuttiva ż-żgħażugħ Lucas Caruana. Aktar minn hekk huwa ġie magħżul bħala l-BOV Player tal-Logħba. Riżultat li jkompli jqawwi qalb il-Pawlisti filwaqt li għas-Saints kien xi ftit diżappuntanti iżda issa jdawru ħarsithom mill-ewwel lejn il-logħba tat-Trophy ta’ nhar il-Erbgħa kontra Mgarr United.

Punt kull naħa għal Mosta u Sirens f’logħba bejn żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika. Logħba li ma’ pproduċiet ebda gowl u ftit li xejn azzjonijiet u li kkonfermat li ż-żewġ naħat mhux qegħdin fil-pożizzjoni li jinsabu fiha b’kumbinazzjoni.  Matul ix-xahar ta’ Jannar Sirens ma żiedu l-ebda plejer fejn din tista’ tkun indikazzjoni li jinsabu rassenjati li jkunu relegati. Fil-fatt nemmen li ftit hemm tama minkejja għadhom jistgħu matematikament isalvaw. Mill-wirjiet li qed jagħtu bħalissa jidher li hemm xi ħaġa mhux qed tiffunzjona. Fl-ewwel round il-konfront ta’ bejniethom kien spiċċa fi draw ukoll iżda ta’ 1-1. Mosta wkoll iridu jkunu kawti filwaqt li jżidu fil-wirjiet tagħhom peress li minkejja barra miż-żona l-ħamra xorta waħda jinsabu fil-periklu.

Gilberto Carrara ta’ Sirens segwit minn Jake Vassallo ta’ Mosta (Ritratt: Trevor Sollars)

Wara taqsima bla gowls, Valletta u Sliema Wanderers temmew it-tieni 45 minuta b’gowl biex ħadu punt kull wieħed li kkonsolida t-tielet post tas-Slimiżi. Mill-banda l-oħra għat-tim mill-Kapitali dan kien punt ieħor importanti fit-tentattiv li jkomplu jinqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika. Issa Valletta ilhom tlett logħbiet bla telfa fil-Kampjonat filwaqt li għal Sliema dan kien riżultat pożittiv ieħor. It-tragward tal-Blues jibqa dejjem dak li jiksbu post fl-Ewropa li jekk jintlaħaq ikun suċċess kbir għalihom hekk kif huma għadhom kif ġew promossi miċ-Challenge League.  It-tnejn li huma jkunu mpenjati matul din il-ġimgħa fit-Trophy b’Valletta jaffrontaw lil Mosta filwaqt li Sliema Wanderers għandhom għadma xi ftit aktar iebsa meta jiffaċċjaw lil Balzan.

Samuel Gomes ta’ Sliema jiprrova jikkontrolla segwit minn Goncalo Vieira ta’ Valletta (Ritratt: Trevor Sollars)

Marsaxlokk irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Gudja bl-iskor ta’ 2-1. Marsaxlokk kienu qegħdin ifittxu li jiksbu tlett punti  minn  din il-partita wara li kisbu tlett riżultati ta’ draw konsekuttivi fit-tlett logħbiet preċedenti. Għal Gudja din kienet il-ħames telfa konsekuttiva  fejn jiqbgħu l-unika tim bla rebħa fil-Kampjonat Premier. It-tim immexxi minn Winston Muscat, wieħed mir-revelazzjonijiet tal-istaġun mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom fejn ħarġu fuq l-offensiva u bnew vantaġġ doppju sas-siegħa logħob. Kien biss fil-ħin mogħti żejjed li l-avversarji tagħhom sabu x-xibka, li iżda rriżulta tard wisq biex isalvaw il-logħba. Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed hekk kif spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Matias Muchardi ta’ Gudja jipprova jwaqqaf lil Ryan Scicluna ta’ Marsaxlokk (Ritratt: Catriel Farrugia)

Finalment draw ta’ 1-1 bejn Gżira United u Balzan, riżultat li ftit ibiddel il-klassifika taż-żewġ timijiet.  Balzan kienu ġejjin mill-akbar telfa fil-kampjonat wara li l-ġimgħa li għaddiet sfaw megħluba minn Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 7-1. Għaldaqstant riedu li tal-anqas ma’ joħorġux mit-Tony Bezzina Stadium b’idejhom vojta.  Il-punti importanti aktar għall-Maroons f’dan l-istadju fejn bin-nuqqas li jirbħu jinsabu fiż-żona l-ħamra u jridu jxammru l-kmiem jekk jittamaw li jevitaw aktar problemi lejn tmiem l-istaġun. B’erba’ timijiet jisfaw relegati ħadd m’għandu rasu mistrieħa.

Azzjoni mid-draw ta’ 1-1 bejn Gzira United u Balzan (Ritratt: Joseph Galea)

INNUTAJNA

LI  jidher li l-lista ta’ kontestanti għall-kariga ta’ Viċi President tal-MFA qed tkompli tikber. Fl-aħħar siegħat ħabbar il-kandidatura tiegħu l-Avukat Peter Fenech li flimkien mal-Avukat Matthew Paris, Adrian Casha u Pierre Miceli ser ikunu qed jikkontestaw għal żewġ postijiet. Dan għaliex il-post l-ieħor ser ikun qed jittieħed minn Dana Farrugia. 

LI forsi tista tkun aħbar tajba għall-MFA wara li l-gowlkeeper żagħżugħ ta’ dixxendenza Maltija Joe Gauci ser ikun qed jilgħab fl-Ewropa ma’ Aston Villa, wieħed mill-klabbs ewlenin fl-Ingilterra. Aktar minn hekk ser ikun f’tim ta’ goalkeepers li ewlieni fosthom hemm Emiliano Martinez, Champion tad-Dinja renjanti mal-Arġentina.