Ambjent Lokali

Lejn it-twaqqif ta’ awtorità għal azzjoni klimatika li ppropona l-PN tliet snin ilu

Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kkommettew ruħhom li sas-sena 2050 l-Ewropa tkun carbon neutral – li f’kelma oħra, ifisser illi jkollna klima li ma tniġġisx.

Fost dawn il-pajjiżi hemm ukoll Malta, illi trid tassigura li sa dik l-istess sena pajjiżna ma jkunx qed iniġġeż l-arja ta’ madwarna. U sabiex nilħqu dawn il-miri, fil-Parlament se tkun proposta it-tnedija ta’ awtorità ġdida li tkun iffukata biss fuq azzjoni klimatika.

Din l-awtorità se tkun qed tieħu post l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi; bir-riżorsi jmorru f’idejn l-ERA.

L-Awtorità l-ġdida mistennija jkollha miri bi strateġija nazzjonali fit-tul, biex tassigura li jitnaqqsu l-emmissjonijiet kollha possibbli – fosthom dawk li jiġu kreati mill-enerġija, it-trasport, u l-bini. Tliet snin ilu, il-Partit Nazzjonalista kien ippropona li sabiex it-tibdil fil-klima tingħata prijorità ewlenija, titwaqqaf awtorità apposta li tiffoka fuq din it-tema [24 ta’ Novembru 2021]. Bil-Gvern Laburista jagħżel li jibqa’ jkaxkar saqajh għal tliet snin sħaħ.