Lokali Saħħa

Sejħa għall-impjegati mill-Ministeru tas-Saħħa deskritta bħala “diskriminatorja”

Żewġ applikanti Maltin li applikaw għal sejħa maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa, ma kienux eliġibli skont il-kriterji tas-sejħa tal-Gvern sempliċiment għax kienu Maltin.

Dan wara li f’dawn l-aħħar sitt xhur il-Ministeru tas-Saħħa ħareġ żewġ sejħiet għall-Allied Healthcare Professional. U waħda mis-sejħiet kienet miftuħa  għall-applikanti li huma Third Country Nationals minħabba illi dik li kienet inħarġet għall-Maltin u l-Ewropej ma rċivietx biżżejjed applikanti fl-ewwel sejħa.

Dan kollu ħareġ fi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari li għamlet Graziella Galea, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat. Bil-Ministru Jo Etienne Abela jgħid illi skont ir-regolamenti, l-applikanti tal-ewwel sejħa ġew ingaġġati b’mod definit filwaqt li l-applikanti għas-sejħiet għal Third Country Nationals jiġu ingaġġati b’mod definit.

Net News jinsab infurmat illi kien hemm Maltin li riedu japplikaw għall-ewwel sejħa pero ma għamlux dan għax ma ridux jaħdmu b’kuntratt indefinit, u għalhekk din is-sejħa ġie kunsidrata minnhom bħala  inġusta u deskriminatorja, hekk kif l-applikazzjonijiet għamlu distinzjoni bejn Maltin u Barranin – diskriminazzjoni li saret mill-Gvern stess.

Intant dawk l-Maltin li jriedu japplikaw issa ser ikollhom jistennew minn tal-inqas tlett xhur sakemm l-applikazzjonijiet għal ħaddiema fil-qasam tas-saħħa jerġgħu jiftħu. Dan filwaqt li l-pazjenti jkomplu jistennew l-għajnuna li tant jistħoqilhom.