Antiċipazzjoni kbira hekk kif dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika Taljana issa qed jistennew bil-ħerqa l-74 Festival ta’ Sanremo. L-ewwel serata li se tixxandar live mit-teatru Ariston, it-Tlieta 6 ta’ Frar, tidher li se tkun waħda twila ħafna. F’din is-serata se jieħdu sehem it-tletin artist li qed jikkompetu – serata li se tkun ippreżentata minn Amadeus flimkien mar-rebbieħ tal-aħħar edizzjoni tal-festival, Marco Mengoni. It-tieni u t-tielet serata se jkunu qed jipparteċipaw nofs l-artisti li se jkunu ppreżentati min-nofs l-ieħor. Il-Ġimgħa filgħaxija, bħas-soltu, se tkun iddedikata għall-covers u l-mistednin li se jakkumpanjaw lit-tletin artist, biex imbagħad il-finali tal-festival isir is-Sibt 10 ta’ Frar, bil-kantanti kollha jikkompetu.
L-ewwel serata se tara l-interpretazzjoni tat-30 kanzunetta li qed tikkompeti mit-30 artist rispettivi li qed jipparteċipaw. Il-kanzunetti se jiġu vvutati biss mill-ġurija mill-kamra tal-istampa, TV u web. Wara r-riżultat ġenerali tal-votazzjoni, se jkun hemm il-klassifika tat-30 kanzunetta u artist. Fl-aħħar tas-serata imbagħad jiġu mħabbra l-aqwa 5 pożizzjonijiet fil-klassifika.
Fit-tieni serata tal-Erbgħa u t-tielet serata tal-Ħamis filgħaxija, se jieħdu sehem ħmistax-il artist, iżda l-ħmistax l-oħra xorta se jkunu fuq il-palk biex jippreżentawhom. Giorgia hija ko-ospitant tal-Erbgħa filgħaxija hekk kif se tkun qed tiċċelebra 30 sena ta’ “E poi“. Il-mistieden tat-tieni serata huwa Giovanni Allevi li se jirritorna live wara aktar minn sentejn. Il-Ħamis filgħaxija Teresa Mannino se tingħaqad ma’ Amadeus, u l-mistednin huma Russell Crowe li se jkun fuq il-palk t’Ariston mal-band tiegħu, kif ukoll Eros Ramazzotti li se jkun qed jiċċelebra 40 sena ta’ “Terra Promessa“.
Il-15-il kanzunetta taż-żewġ serati se jiġu vvutati mill-pubbliku permezz tat-televoting u mill-ġurija tar-radju. Iż-żewġ sistemi ta’ votazzjoni se jkollhom piż perċentwali fuq ir-riżultat ġenerali tal-vot maqsum nofs bin-nofs, jiġifieri televoting 50% u ġurija tar-radju 50%. Wara r-riżultat ġenerali tal-votazzjoni, se titħabbar il-klassifika tal-15-il kanzunetta biex imbagħad jitħabbru l-aqwa 5 pożizzjonijiet fil-klassifika ta’ dik is-serata.
Il-medja tal-perċentwali tal-voti miksuba mill-artisti b’mod ġenerali fit-tliet serati mbagħad tiddetermina klassifika ġenerali tat-30 kanzunetta li qed tikkompeti.
Il-ħames serati tal-Festival huma preċeduti mill-PrimaFestival ippreżentat minn Paola & Chiara. Magħhom se jingħaqdu l-mistednin Mattia Stanga u Daniele Cabras, stilel tal-internet u media soċjali, b’miljuni ta’ segwaċi, fl-ewwel esperjenza tagħhom fuq it-TV. Il-programm se jixxandar immedjatament wara l-aħbarijiet Tg1, direttament mill-qalba at ta’ Sanremo, minn ġo ‘kaxxa tal-ħġieġ’ ġdida fjamanta, ftit metri l-bogħod mill-Ariston.
Intant illejla, b’mod partikolari, il-PrimaFestival se jiftaħ il-ġimgħa ta’ Sanremo live minn fuq it-tapit l-aħdar fejn se jiġu ppreżentati l-artisti kollha li qed jikkompetu.
Imbagħad minn għada se jkun hemm ukoll l-aftershow ta’ Fiorello flimkien ma’ Alessia Marcuzzi bil-programm VivaRai2 VivaSanremo live mill-‘kaxxa tal-ħġieġ’ quddiem l-Ariston.
It-30 finalist ta’ din is sena huma:
Ghali b’Casa Mia
Alessandra Amoroso b’Fino a qui
Gazzelle b’Tutto qui
Ricchi e Poveri b’Ma non tutta la vita
Dargen D’Amico b’Onda alta
Angelina Mango b’La noia
Fred de Palma b’Il cielo non ci vuole
Fiorella Mannoia b’Mariposa
Loredana Bertè b’Pazza
Mr.Rain b’Due altalene
Geolier b’I p’ me, tu p’ te
Negramaro b’Ricominciamo tutto
Rose Villain bi Click Boom!
Mahmood b’Tuta gold
Diodato b’Ti muovi
Annalisa b’Sinceramente
Il Volo b’Capolavoro
Emma b’Apnea
Renga Nek b’Pazzo di te
La Sad b’Autodistruttivo
Irama b’Tu no
BigMama b’La rabbia non ti basta
The Kolors b’Un ragazzo una ragazza
Sangiovanni b’Finiscimi
Il Tre bi Fragili
Alfa b’Vai!
Maninni bi Spettacolare
Clara bi Diamanti grezzi
Santi Francesci b’L’amore in bocca
BNKR44 b’Governo punk