Lokali

Tnedija tal-ktieb dwar ir-Rata Baxxa tat-Twelid f’Malta – Sfida Eżistenzjali

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia mexxa konferenza stampa li matulha l-Parlament ta’ Malta u l-Malta Employers’ Association (MEA) nedew il-ktieb intitolat ‘Ir-Rata Baxxa tat-Twelid f’Malta – Sfida Eżistenzjali’.

Dan il-ktieb jiġbor fih l-interventi u l-kontribuzzjonijiet li saru mill-parteċipanti kollha tal-Konferenza Nazzjonali dwar ir-Rata Baxxa tat-Twelid f’Malta li saret f’Lulju 2023 fil-Parlament ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-MEA.

Il-Konferenza Nazzjonali dwar ir-Rata Baxxa tat-Twelid f’Malta titqies bħala importanti għaliex il-parteċipanti kellhom l-opportunità jiddiskutu suġġett li joffri sfida eżistenzjali għal pajjiżna, kif tispjegalna iktar il-President tal-MEA, Joanne Bondin.

CLIP

Joanne Bondin kompliet tispjega kif din il-pubblikazzjoni tiftaħ bieb għal dawk li jinteressahom ikomplu jirriċerkaw dwar dan is-suġġett.

CLIP

Ir-rata baxxa tat-twelid jista’ jkollha effetti xejn sbieh fuq l-ekonomija u l-qagħda soċjali f’Malta. Kien osservat kif l-età medja tal-ħaddiema Maltin qiegħda togħla u qed twassal biex is-suq tax-xogħol f’Malta jiddependi fuq ħaddiema barranin.

L-MEA saħqet fuq l-importanza li jkollna bilanċ fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema Maltin żgħażagħ mal-esperjenza ta’ ħaddiema anzjani. Dan ifisser li pajjiżna rrid jikkompeti biex ikattar, iżomm u jattira l-aħjar ħaddiema.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll fost l-oħrajn mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda kontra d-Dijabete, Claudette Buttigieg fejn tenniet li pajjiżna għandu bżonn viżjoni ċara u fit-tul sabiex nindirizzaw din l-isfida.