Lokali Qorti

Żewġ Rumeni jammettu li serqu minn spiżerija f’San Ġiljan

Żewġ Rumeni ġew illiberati bil-kundizzjoni li ma jikkommetux reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo li fis-26 ta’ Jannar li għadda wara nofs inhar wettqu serq ta’ fwejjaħ u oġġetti oħra valur ta’ 295 euro minn spiżerija f’San Ġiljan.

Marius Fanel Ganal ta’ 36 sena li qal li huwa turist u li qal li ilu Malta ġimgħa flimkien ma’ George Bigu ta’ 40 sena, li qal li jaħdem bħala xufier u li joqgħod is-Swieqi kkonfermaw l-ammissjoni tagħhom, wara li l-Qorti tagħthom ċans jerġgħu jikkonsidraw il-ħtija tagħhom, u dan għax akkużi bħal dawn jistgħu jġorru piena karċerarja.

L-Avukat Franco Debono qal li l-Qorti għandha tqis diversi fatturi f’dan il-każ li jinkludu l-fedina penali netta, li kkoperaw mal-Pulizija, li wrew rimors, li se jagħtu lura l-flus misruqa, li l-ammissjoni saret fl-aktar stadju bikri filwaqt li l-ammont tas-serq kien wieħed minimu.

L-Avukat Debono qal li lanqas għandha tingħata sentenza sospiża u lanqas ma’ l-akkużati ma messhom tressqu b’arrest. Il-prosekuzzoni mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley qalet li temmen li għandha tingħata sentenza sospiżi u mhux sentenza kundizzjonata, minħabba n-natura tal-każ u l-fatt li wieħed minnhom ġie Malta bħala turist u spiċċa jisraq.

L-Avukat Franco Debono li flimkien ma’ Dr. Adreana Zammit dehru għall-akkużati qal li l-fatt li kien Malta bħala turist m’għandux x’jaqsam dwar il-piena. Ġie stabbilit li s-serqa saret għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofs inhar.