Il-kwistjoni tal-popolazzjoni m’għandix tiġi diskussa b’mod partiġġjan u bħal ma l-Kap tal-Partit Nazzjonalista lura fl-2020 għamel appell lill-Prim Ministru Robert Abela, li dak iż-żmien iżżuffjetta bih, illum intenni – ejja nagħmlu konferenza nazzjonali f’pajjiżna dwar l-immigrazzjoni.
Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino waqt li kien qed jiġi intervistat mill-Professur Mario Thomas Vassallo fuq l-istazzjon Campus FM.
Huwa insista dwar il-bżonn ta’ pjan ħolistiku hekk kif saħaq li l-Gvern qed jibbaża l-ekonomija tiegħu fuq skjavitù moderna mingħajr lanqas biss indenja ruħu jħejji l-infrastruttura tal-pajjiż – kemm dak li għandu x’jaqsam ma’ saħħa, kif ukoll l-enerġija, it-traffiku u l-edukazzjoni.
Michael Piccinino sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jimbotta favur mudell ekonomiku ġdid… li ċertament ma jibbażax fuq iċ-cheap labour.
U filwaqt illi l-NGOs ikomplu jaħdmu sabiex iżommu ‘in check’ lill-Gvern tal-ġurnata, fl-aħħar mill-aħħar huwa xogħol anke tal-Oppożizzjoni li tkompli issus warajh.
Tant hu hekk, kompla Piccinino, li fil-każ ta’ Jean Paul Sofia kien finalment grazzi għar-rieda tal-familja u l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista li Abela kellu jagħmel u-turn u jsejjaħ inkjesta pubblika.
Intant is-Segretarju Ġenerali sostna li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista hija waħda kontinwa. U xahar wara ieħor it-tesserati mal-Partit qiegħdin jiżdiedu.
Dan filwaqt li tkellem dwar l-importanza li l-istudenti u żagħżagħ ikunu esposti għal politika u jingħataw l-edukazzjoni li hemm bżonn sabiex ikunu jistgħu jimbottaw l-argumenti tagħhom ukoll.
Michael Piccinino flimkien mal-Professur Mario Thomas Vassallo, faħħru l-ħidma ta’ Net Television li fi kliemhom huwa wirja ta’ kif id-demokrazija għandha taħdem f’soċjetà meta fid-dibattiti tagħhom jistiednu mistiedna kemm mill-kamp Nazzjonalista kif ukoll minn dak Laburista…għad-differenza ta’ stazzjonijiet lokali oħrajn.