Raġel ta’ 50 sena, residenti Ta’ Ġiorni ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Kevan Azzopardi li ffroda 12-il kumpanija valur ta’ €28,534. Dan il-każ seħħ kważi 15-il sena ilu. Kollox kien beda meta nsteraq ktieb taċ-ċekkijiet u bdew jiġu ordnati diversi oġġetti minn kumpaniji diversi.
Andy Zammit li kien qed jiġi mixli b’29 akkuża nstab ħati li wettaq dan il-frodi f’Awwissu u Settembru tal-2009. Irriżulta mix-xhieda li Zammit kien involut fi grupp ma’ erba’ rġiel oħra biex wettaq dan il-frodi. Il-kumpaniji kienu jintalbu jittrasportaw l-oġġetti lejn indirizz imma d-deliverymen kienu jsibu persuna li tgħidilhom li se ċċempel lill-imgħallem.
Ħafna mid-deliverymen iddeskrivew lil din il-persuna bħala “tifel”. Id-deliverymen kienu jiġu infurmati li l-imgħallem kien se jdum u jintalbu jħallu l-oġġetti fuq il-bankina. Huma kienu jingħataw ċekk b’numru ta’ karta ta’ identità u mobile phone.
Meta l-kumpaniji kienu jmorru jsarrfu ċ-ċekkijiet kienu jsibu li dawn ma setgħux jissarrfu u li ċ-ċekk kien misruq. Il-Maġistrat Azzopardi sab lil Zammit ħati tal-involviment f’dan il-frodi li ddeskrivih li kien “maħdum b’mod professjonali”.
Qal li jinsab konvint li kien involut mal-erba’ persuni oħra biex sar dan il-frodi. Madankollu l-Qorti ma sabitux ħati li seraq il-ktieb taċ-ċekkijiet użat fil-frodi għax il-Maġistrat Azzopardi qal li din l-akkuża ma ġietx pruvata.
//= $special ?>“Dak li għamel l-imputat jimmerita li jiġi indirizzat b’mod iebes għaliex gidem diversi persuni li kienu qegħdin jippruvaw jaqilgħu l-għajxien tagħhom b’mod onest u bl-għaraq ta’ ġbinhom. Is-sanzjoni applikabbli għalhekk jeħtieġ li tkun waħda ċara u li tibgħat messaġġ ċar,” qal il-Maġistrat Kevan Azzopardi