FLORIANA ………………. 7
ŻEBBUĠ R. ……………… 1
Floriana ġabu fix-xejn lil Żebbuġ Rangers b’wirja kbira fit-tieni taqsima fejn skorjaw sitt darbiet b’Kemar Reid jiskorja hat-trick. Kienet kwalifikazzjoni faċli għal Floriana, iżda dawn kellhom jistennew sat-tieni taqsima għaliex fl-ewwel ħamsa u erbgħin Żebbuġ kienu ferm organizzati u determinati u dehru li setgħu joħolqu xi sorpiriża. Iżda wara l-mistrieħ Floriana bidlu r-ritmu u l-goals bdew ġejjin b’mod regolari biex Floriana kisbu dak li riedu.
Man-nofs siegħa logħob Floriana fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner kien Owen Spiteri li bir-ras irnexxielhu jsib ix-xibka. Fil-45 minuta Żebbuġ kisbu l-goal tad-draw b’azzjoni personali ta’ Mosquera Torres li dar ma’ difensur u minn tarf il-kaxxa fajjar xutt sabiħ li ħabat mal-mimduda qabel spiċċa fix-xibka.
Bidu kwiet għat-tieni taqsima iżda Floriana mill-ġdid fil-vantaġġ fis-57 minuta meta Kemar Reid daħħal tajjeb għal ballun fit-tul, dar mal-goalkeeper u xeħet f’lasta vojta. Floriana komplew jinsistu u żewġ minuti wara kabbru l-vantaġġ meta kien Matias Nicola Garcia li skorja b’xutt b’saħħtu fil-baxx bil-ballun jgħaddi minn taħt saqajn il-goalkeeper ta’ Żebbuġ.
Jgħaddu żewġ minuti oħra u Floriana jerġgħu jsibu x-xibka b’azzjoni fuq ix-xellug u kross lejn Kyrian Nwoko li mill-viċin spara fix-xibka. Issa Żebbuġ rmew ix-xugaman u fis-70 minuta Floriana skorjaw il-ħames goal b’azzjoni ta’ Nwoko u kross lejn Reid li bir-ras xeħet fix-xibka, bl-istess Reid jgħaqqad il-hat-trick ħames minuti wara fuq kross ta’ Furtado. Floriana ma kienux kuntenti u fis-77 minuta wasal is-seba’ goal permezz ta’ Christos Rovas li kien għadu kif daħal ftit sekondi qabel.
BIRKIRKARA ……………. 1
SIRENS …………………… 0
Il-holders tal-Izibet FA Trophy Birkirkara kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Sirens biex ukoll għamluha għall-kwarti finali tal-istess kompetizzjoni. Bil-partita tintemm bl-iskor ta’ 0-0 sa tmiem id-90 minuta il-partita kellha tmur għall-ħin barrani. Il-gowl ta’ Birkirkara wasal fil-111-il minuta meta il-goalkeeper Andrea Cassar ma żammx tajjeb ix-xutt ta’ Maxwell Maia, approfitta is-sositut Omar Elouni, li xeħet fix-xibka għal 1-0.
MOSTA………..2
VALLETTA…….1
Ikompli l-istaġun diffiċli ta’ Valletta meta issa ġew eliminati wkoll mill-IZIBET FA Trophy minn Mosta meta għelbuhom 2-1. Il-Mostin fetħu vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima meta l-ewwel kien Maxmillian Ugochukwu li fetaħ l-iskor fis-16-il minuta biex Henry Chidera għamilhom 2-0 fit-33 minuta. Valletta naqsu d-distakk fit-73 minuta permezz ta’ Diego Cardoso iżda dan ma kienx biżejjed bl-iskor sat tmiem jibq’ dak ta’ 2-1 favur Mosta
MARSAXLOKK……..3
SWIEQI U…………..0
L-ebda problema għal Marsxalokk li għamluha għal Kwarti tal-finali b’rebħa ta’ 3-0 fuq it-tim miċ-Challenge League Swieqi United. Yuri Messias fetaħ l-iskor għax-Xlukkajri fis-26 minuta biex doppjetta ta’ Sunday Akinbule fit-52 u fis-60 minuta ssiġillaw ir-rebħa għat-tim immexxi minn Winston Muscat, finalisti tal-FA Trophy l-istaġun li għadda.
IZIBET FA TROPHY
Ilbieraħ: Floriana v Żebbuġ R. 7-1, Birkirkara v Sirens 1-0, Mosta v Valletta 2-1, Marsaxlokk v Swieqi Utd. 3-0
Illum: Stadium Nazzjonali Gżira Utd v Hibernians 6.00pm, Sliema W. v Balzan 8.30pm Centenary Stadium Sta Lucia v Mġarr Utd 8.15pm
Għada: Centenary Stadium Ħamrun S. v Gudja Utd 8.15pm