Lokali Parlament

Il-Gvern ivvota favur il-liġijiet tal-UE dwar il-bdiewa; Robert Abela ma jiċħadx u bla tweġiba

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li fil-parlament li minkejja dak li qed jgħid f’Malta, fl-UE il-gvern ivvota favur il-liġijiet tal-UE li dwarhom ħarġu jipprotestaw il-bdiewa.

Quddiem din id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela ma weġibx, ma ċaħadx u ma kkummentax.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni llum tkellem fil-parlament wara stqarrija ministerjali tal-Prim Ministru dwar is-summit tal-Kunsill tal-Ministru tal-UE li fihom kienet diskussa propju l-kwistjoni tal-bdiewa; liema kwistjoni ġabet reazzjoni qawwija mill-bdiewa Ewropej fosthom dawk Maltin li pprotestaw fit-toroq.

Wara l-istqarrija tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li għall-inqas issa l-gvern, qed jagħmel stqarrijiet ministerjali wara li l-Prim Ministru jattendu għas-summits tal-Kunsill tal-Ministri għaliex kien ilu xhur xħaħ jonqos milli jagħmel dan.

Hu sostna li l-PN ma jiltaqax mal-bdiewa biss quddiem il-cameras, kif għamel il-Prim Ministru fil-protesta iżda b’mod regoli.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li hemm liġijiet li qed jinkwetaw lill-bidewa u għalhekk hu inkwetanti li l-gvern stenbaħ li kien għamel żball meta l-bdiewa għamlu protesta; li l-gvern tant ipprova jwqqafha.

Il-verità tibqa’ waħda… fejn kien il-gvern meta quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej dawn il-liġijiet bdew ikunu diskussi? Fejn kien il-gvern meta skont il-Prim Ministru l-istituzzjonijiet Ewropej mhux qed iħarsu lill-bdiewa?

Jekk inhu hekk, il-gvern kellu jivvota kontra dawn il-liġijiet u mhux favur, kif għamel. Dan hu gvern li jaċċetta miżuri tal-UE u wara jiġi f’Malta u jgħid li dan hu nuqqas tal-istituzzjonijiet Ewropej. F’min se jwaħħal il-gvern li l-ilma tat-tieni klassi għadu ma wasalx għand il-bdiewa minkejja l-fondi Ewropej? Kif se jispjega li l-gvern għadu ma jridx jagħti sussidju lill-bdiewa?

Bernard Gerch qal li l-PN jappoġġja lill-gvern dwar il-gwerra fl-Ukrajina għalkemm il-gvern kellu jkun imbuttat biex jieħu ċertu pożizzjonijiet iżda fl-aħħar dawn ħadhom; l-istess seħħ dwar Gaza. Hu appella għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti u mhux temporanju.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech oġġezzjona għall-attakk li għamel il-Prim Ministru fuq il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola b’rabta mal-gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas. Bernard Grech qal l-allegazzjonijiet tal-Prim Ministru huma perikolużi mhux biss fil-kuntest nazzjonali iżda anke fuq livell internazzjonali.

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li jinsab diżgustat għall-mod partiġġjan li l-Prim Ministru jagħmel l-istqarrijiet tiegħu dwar il-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE.

Hu qal li l-gvern ma kienx spalla ma’ spalla mal-bdiewa tant li l-Ministru Refalo ivvota favur il-liġijiet tal-UE. Minbarra dan, il-gvern qed iraħħas l-ikel iffriżat flok jgħin il-prodotti Maltin, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Prim Ministru qed ikun dgħajjef fl-UE fil-kwistjonijiet kollha. Fis-summit kienet diskussa wkoll l-immigrazzjoni u pakkett finanzjarju biex jissaħħu l-fruntieri iżda l-Prim Ministru ma qal xejn dwar dan.

Beppe Fenech Adami qal li, fl-UE, il-Prim Ministru ma tkellimx bl-istess mod kif qed jitkellem f’Malta dwar Gaza, l-Ukrajina u l-immigrazzjoni.

Fl-istqarrija ministerjali tiegħu l-Prim Ministru tkellem dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE dwar il-bdiewa u qal li hemm istituzzjonijiet Ewropej li qed jinteresshom biss dak li hemm fuq il-karta iżda li fil-prattika ftit jagħmel sens. Hu sostna li qed ikun hemm leġiżlazzjonijiet li qed jiġu kontestati.
Il-Prim Ministru tkellem dwar Gaza u qal li l-UE u l-istituzzjonijiet Ewropej ħadu pożizzjonijiet insensittivi immens. Hu appella biex l-istituzzjonijiet ikunu sensittivi għar-realtajiet tan-nies.

Robert Abela qal li kien tkellem mal-bdiewa fejn il-maġġoranza tal-inkwiet tagħhom huma marbuta ma’ regoli mfassla mill-UE. Il-Prim Ministru kompla li l-gvern ta għajnunijiet li qatt ma kienu ngħataw qabel fejn il-gvern investa €79 miljun biex il-bdiewa jinvestu fl-apparat tagħhom u riformi oħra. Skont il-Prim Ministru, il-bdiewa ma pprotestawx kontra l-gvern iżda fuq ir-regoli tal-UE li ma jagħmlux sens.