Ambjent Lokali

“Il-Gvern mhux juża biżżejjed l-għoddod Ewropej għall-biedja” – Peter Agius, Kandidat MEP

“L-inkompetenza tal-Gvern fil-konfront tal-bidwi Malti qed tkompli tkisser il-prodott lokali u lill-bdiewa Maltin”. Dan qalu l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius fejn spjega kif f’Malta mhux qed jintużaw biżżejjed l-għodod tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jgħinu l-biedja Maltija u li dan qed iwassal għal diffikultajiet akbar biex il-bidwi Malti jikkompeti ma’ prodott impurtat.

Peter Agius elenka numru ta’ fatturi konkreti li juru biċ-ċar in-nuqqas tal-Gvern li juża l-għodda tal-Unjoni Ewropea għall-benefiċċju tal-prodott Malti u tal-konsumatur Malti.

Huwa qal li Malta hija l-uniku Stat membru tal-Unjoni Ewropea mingħajr Organizzazzjoni ta’ produtturi rikonoxxuta. Dan ifisser li l-biedja Maltija hija soġġetta għal pressjonijiet tas-suq bid-domanda u l-forzi tal-provvista jibdlu s-suq ħesrem minn jum għall-ieħor. Il-mekkaniżmi tal-Unjoni Ewropea li jipproteġu l-bdiewa u s-swieq tal-ikel frisk fl-Ewropa mhumiex applikabbli f’Malta. B’dan il-mod, Malta qed tiġi mċaħħda sa €2 miljun f’għajnuna diretta mill-Unjoni Ewropea li effettivament jistgħu jintużaw fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex il-bdiewa jippjanaw il-provvista tagħhom, jinvestu fil-kummerċjalizzazzjoni, u fejn meħtieġ, jikkunsidraw ukoll il-ġbir lura tal-prodotti u l-ippjanar tal-prodotti biex jiżguraw stabbiltà usa’ fl-istaġun tal-prodotti. Fattur ieħor huwa li l-bdiewa Maltin qed jirċievu madwar kwart tas-sussidji tal-Unjoni Ewropea meta mqabbla mal-produzzjoni mit-Taljani għal ċerti prodotti jiġifieri l-bidwi Malti qed jibbenefika minn kwart biss tas-sussidju fuq il-prodott (f’pagamenti diretti) fuq l-istess prodott meta mqabbel mal-kompetitur tiegħu fi Sqallija.

Peter Agius tenna li dan in-nuqqas jeħtieġ li jkun indirizzat mill-aktar fis, u li l-Gvern jeħtieġ jagħraf li hu wassal lill-bidwi għal dan in-nuqqas, għax il-Gvern Malti stess naqas milli jfittex l-interess speċifiku tal-bidwi Malti fl-Unjoni Ewropea. Huwa sostna li mal-bidwi Malti qed ibati wkoll il-poplu kollu hekk kif qegħdin f’ riskju ċar ta’ nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel.

“L-istqarrija tal-President Ursula Von der Leyen li l-Kummissjoni ser tirtira l-liġi l-ġdida dwar il-pestiċidi tindika biċ-ċar li l-Ewropa trid tadatta skont ma jgħid il-poplu – għalhekk flok inwaħħlu fl-Ewropa rridu nistinkaw aktar biex insemmgħu leħinna b’mod effiċjenti” qal Peter Agius.

Peter Agius għalaq b’appell għal sforz nazzjonali li jinvolvi l-partitjiet kollha b’soluzzjonijiet tekniċi u prattiċi biex insalvaw il-biedja u l-prodott Malti, dan f’ġieħ il-familji Maltin u Għawdxin kollha.