Internazzjonali

Il-kampanja lejn il-Presidenza tal-Istati Uniti: Nikki Haley titlob għal aktar protezzjoni…iżda ‘mhix se taqta qalbha’

Nikki Haley, l-eks-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, talbet formalment għall-protezzjoni min-naħa tas-Servizzi Sigrieti Amerikani.

Haley, li hi l-unika sfidanta għall-eks President Donald Trump fit-tellieqa għan-nomina tal-Partit Repubblikan għall-White House, qalet ukoll li t-theddid li qed tiffaċċja huma parti mir-realtà u mhumiex se jżommuha milli tirrealizza l-impenji politiċi tagħha.

Hi, waqt intervista lill-Wall Street Journal, tkellmet dwar il-ħtieġa li tingħata s-sigurtà addizzjonali minħabba ‘numru ta’ issues’ — iżda hi beħsiebha tkompli tisfida mill-aħjar li tista’ għat-tikketta tal-Partit Repubblikan biex, f’Novembru, tikkuntesta għat-tmexxija tal-pajjiż kontra l-kandidat Demokratiku, li, skont l-indikazzjonijiet, se jkun il-President Amerikan attwali Joe Biden.

Fl-aħħar ġimgħat, Haley użat is-sigurtà personali tagħha hi u għaddejja bil-kampanja u fejn kien hemm ukoll preżenti l-uffiċjali tal-pulizija lokali.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump, li qed igawdi vantaġġ fuq Haley skont l-istħarriġ ta’ opinjoni pubblika, qed iħeġġiġha biex tirtira mit-tellieqa u tingħaqad mal-eks rivali Repubblikani li llum qegħdin jappoġġjaw il-kandidatura tal-eks-President  biex imexxi lill-Istati Uniti mill-ġdid.