Kultura Lokali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iżur l-aħħar preparamenti li għaddejjin għall-Karnival

Hekk kif matul tmiem din il-ġimgħa pajjiżna jiċċelebra l-Karnival l-aħħar preparamenti għaddejjin bla waqfien għal dan l-avveniment li jkun mistenni minn bosta.

It-Tlieta filgħaxija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar diversi mħażen tal-karrijiet tal-Karnival fejn tkellem mal-ħaddiema preżenti. Huma esprimew miegħu li dan huwa delizzju għal qalbhom u x-xogħol ikun għaddej matul is-sena kollha b’ideat mill-aktar uniċi.

Spikka l-fatt li diversi karrijiet inkludew lil Pawlu Curmi magħruf bħala “Il-Pampalun” dan hekk kif din is-sena se jkun l-ewwel Karnival wara l-mewt tiegħu.

F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Karnival huma appuntament importanti speċjalment fejn tidħol il-kultura u l-arti f’pajjiżna. Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jimbotta l-politika li tgħin lil dawn l-artisti b’modi differenti fost l-oħrajn li jkollhom l-ispazju meħtieġ fejn ikunu jistgħu jaħdmu matul is-sena.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Karnival huwa importanti wkoll għall-pakkett turistiku ta’ pajjiżna u għalhekk il-Karnival se jibqa’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Graziella Galea, Julie Zahra kif ukoll Charles Azzopardi.

Din is-sena, il-Karnival se jsir mid-9 sat-13 ta’ Frar – b’ċelebrazzjonijiet kbar anke fil-gżira Għawdxija.