Internazzjonali

Il-kriżi tal-bdiewa fl-Ewropa: Jitneħħa l-abbozz kontroversjali, iżda l-pressjoni tkompli fuq il-Gvern Soċjalista Spanjol

Il-Kummissjoni Ewropea konfermat li qed tirtira l-abbozz li kellu jnaqqas b’50 fil-mija l-użu tal-pestiċidi mill-bdiewa tal-Ewropa sal-2030. Madankollu,  il-mijiet tal-bdiewa fi Spanja, fl-aħħar sigħat, ingħaqdu xorta f’dimostrazzjoni spettakulari kontra l-Gvern tal-Prim Ministru Soċjalista Pedro Sanchez li qegħdin jixluh dwar in-nuqqas ta’ għajnuna kontinwa lis-settur tagħhom.

L-aħħar pass sinifikanti tħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen  — u wara li l-bdiewa madwar il-kontinent ilhom il-jiem jipprotestaw bi ħġarhom kontra l-Green Deal; f’dan il-każ, il-pjan tal-Unjoni Ewropea biex, sal-2050, il-kontinent ikun ħeles mill-greenhouse gases, li qegħdin iħallu detriment qawwi għall-klima sal-2050.

Min-naħa tagħha, Von der Leyen, issa, qed tgħid li l-irtirar tal-pjan għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidji huwa pass f’waqtu filwaqt li anki fissret il-pjan oriġinali bħala ‘simbolu tal-polarizzazzjoni’.

Madankollu, il-bdiewa Spanjoli komplew jesprimu għadab għall-Gvern Soċjalista f’Madrid li skont huma qed jikkumplikalhom is-sitwazzjoni. Il-bdiewa Spanjoli, fl-istess ħin, iridu  aktar flessibbiltà mill-Unjoni Ewropea rigward il-kriterji għall-biedja u biex l-awtoritajiet ikkonċernati jeżerċitaw kontroll aktar iebes għall-prodott agrikolu minn barra.

Intant, il-bdiewa anki qegħdin jakkużaw lil Pedro Sanchez b’li abdika mir-responsabbiltajiet tiegħu f’din is-sitwazzjoni diffiċli  — u liema sitwazzjoni qed tirrifletti anki l-aġir tal-Gvern Malti li wkoll qed jipprova jfarfar mill-obbligi tiegħu biex itejjeb il-qagħda tal-bdiewa lokali.

 Il-bdiewa fid-diversi reġjuni ta’ Spanja, fl-aħħar sigħat, imblukkaw it-toroq fost l-inkonvenjenti kbar għas-sewwieqa. Fl-istess ħin, il-bdiewa ħarġu fit-toroq taz-zoni agrikoli prinċipali ta’ Spanja u fejn spikkaw il-konvojs tat-tractors – bis-sewwieqa tagħhom idoqqu l-ħornijiet u jxejjru l-bnadar ta’ pajjiżhom.

Saru wkoll protesti simili fir-reġjun ta’ Katalunja, lejn il-grigal ta’ Spanja, kif ukoll fir-reġjuni ta’ Andalusia (fin-Nofsinar) u Estremadura (fil-Punent).

Fl-aħħar jiem l-aħbarijiet tal-Ewropa kienu  mimljin bir-rapporti dwar id-dimsotrazzjonijiet ta’ protesta mill-bdiewa f’pajjiżi bżal Franza, il-Belġju, l-Olanda, l-Italja u anki Malta.

Dan meta l-bdiewa madwar l-Ewropa qed jgħidu li r-regoli stipulati mill-Politika Komuni Ewropea għall-Agrikoltura qed inaqqsulhom sew mill-introjtu – u filwaqt li huma qed ikollhom jerfgħu l-piż tal-prezzijiet għoljin tal-fuel u l-enerġija.