Għal darb’oħra l-Ministru tat-Turiżmu qalilna biex nistennew daqsxejn oħra biex jgħidilna kemm ħallas mit-taxxi tal-poplu lill-awtur u komiku Brittaniku David Walliams meta preżenta l-Malta Film Awards ta’ sentejn ilu.
Dan minkejja d-deċiżjoni tat-tribunal tad-Data Protection, liema deċiżjoni kienet appellata. U minkejja li sitt ijiem ilu l-Qorti ddeċidiet li l-Kummissjoni tal-Films trid tgħid kemm il-Gvern ħallas lil Walliams….iżda Clayton Bartolo xorta waħda għadu qed jaħrab milli jwieġeb domanda sempliċi ħafna – kemm ħalsuh lil Williams.
Bartolo, li l-professjoni tiegħu hija dik ta’ accountant, qed jibqa’ jsibha bi tqila milli jgħid liċ-ċittadin kemm nefaq mit-taxxi fuq il-Mediterranae Film Festival – Festival ieħor li għandu x’jaqsam maċ-ċinema, industrija ċertament bżonnjuża għall-ekonomija Maltija – madanakollu għal xi raġuni issa ilu xejn inqas minn 8 xhur jaħrab milli jagħti risposta ċara u tonda.
It-Tlieta filgħodu Net News għal darb’oħra reġa’ staqsieh….u għal darb’oħra reġa ħarab milli jwieġeb. L-istess bħal ma għamel f’Settembru…l-istess bħal ma għamel f’okkażjoni oħra….
U riċentament ftit tal-ġimgħat ilu meta qalilna li kien se jippreżenta kollox malli jiftaħ il-Parlament.
Skont ma qalilna l-Ministru nnifsu, suppost ilna nafu minn 3 xhur wara l-avveniment, ċioe minn Settembru. Iżda it-Tlieta filghodu, reġa’ iddeċieda jħalli l-kulħadd bla risposta, u qalilna nistennew ftit ieħor.
U minħabba li l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru kienet organizzata fuq il-Fosos tal-Furjana…staqsejnieh dwar il-qagħda prekarja li din iz-zona qed titħalla fiha – lok ta’ wirt nazzjonali li jilqa’ eluf ta’ nies matul is-sena, imma li qed jitħalla fi stat ta’ abbandun totali.
U kif jixhdu l-filmati miġbuda minn Net News l-istat tal-Fosos bħalissa jitkellem waħdu, b’fanali nieqsa u ħadd m’għandu idea fejn jew għand min jinsabu – fosos u ġebel imkisser, żjut mal-art – u żdingar totali.
//= $special ?>