Lokali Saħħa

“Il-pazjenti fil-qasam tas-saħħa waslu fi breaking point” – PN

“Il-Gvern mhux jirnexxielu jimmaniġġja l-problemi serji li jeżistu fis-settur tas-Saħħa, partikolarment kawża taż-żieda qawwija fil-popolazzjoni minħabba l-mudell ekonomiku tal-istess Gvern.”

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u mix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo fid-dawl tal-problemi li qed jifnu lil dan is-settur.

Ix-Shadow Ministers innutaw kif il-Gvern qed ineżża’ lill-pazjenti mid-dinjità tagħhom meta qed iħallihom stivati u skjerati fil-kurituri, f’zoni li ma jitqiesux bħala swali, iżda litteralment taħt l-art. Barra minhekk, il-problemi li ħoloq il-Gvern Laburista wasslu wkoll għal nuqqas qawwi ta’ mediċini u stennija mqar biex isirulhom it-testijiet.

Ix-Shadow Ministers qalu li l-Gvern tellifna tmien snin u ħlielna €400 miljun fejn, minbarra l-flus li nsterqu, hemm ukoll ir-riperkussjoni li qed tinħass fuq il-pazjent, li għal dawn is-snin kollha bata mid-deċiżjonati intenzjonati. U minkejja l-ħafna wegħdiet li l-Partit Laburista għamel, mhux talli ma morniex ‘il quddiem, talli morna lura.

Il-kelliema komplew jispjegaw li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed naraw dewmien ta’ xhur għal testijiet ta’ dijanjożi. Fost l-oħrajn, hemm aktar minn 16,000 persuna li qed jistennew appuntament jew MRI, kif ukoll eluf oħrajn li qed jistennew CT Scan. Barra minhekk, il-Gvern Malti ġie t-tieni mill-aħħar fl-Ewropa b’rabta ma’ mediċini ġodda.

Ix-Shadow Ministers tennew il-ħtieġa ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali għax illum, l-Isptar Monte Karmeli m’għadux aċċessibbli kif xieraq. Wegħda oħra li ilha ssir is-snin iżda li għadha fuq l-ixkaffa hi l-Out-Patients ġdid, li ilna aktar minn ħames snin nistennew data ta’ meta se jinbeda. L-istess bħan-Northern Hub u l-Mother and Baby Hospital, li għadna ma nafux x’sar minnhom.