Il-proġett tal-Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid hu ċertifikat tal-amministrazzjoni ħażina li sar u għadu jsir mill-fondi pubbliċi minn dan il-Gvern.
Dan sostnieh ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut fi stqarrija.
Dan kien proġett li tħabbar disa’ snin ilu u li nfetaħ b’pompa kbira ħames snin ilu mill-Gvern Laburista. Proġett li sewa madwar €3 miljuni, iżda ftit xhur biss wara li nfetaħ, mill-ewwel kien ċar id-diżastru u x-xogħol ħażin li sar minn fondi pubbliċi f’dan il-proġett.
Pavimentar maqlugħ, partijiet tat-triq sfrundati u funtani li bilkemm qatt tħaddmu tfaċċaw ftit xhur wara li x-xogħol tlesta, f’konferma li x-xogħol ma ġiex assessjat u amministrat tajjeb minn min kien responabbli.
Dan kollu wassal għal sparpaljar ta’ fondi pubbliċi mħallsa mit-taxxi tan-nies u għal ħafna, inċidenti li fihom weġġgħu n-nies li jużaw u jimxu minn din il-pjazza. Dan minbarra li l-pjazza tilfet l-ilqugħ mix-xemx u s-serħan li kienu joffru s-siġar maturi li kienu fiha għal għexieren ta’ snin.
Il-Partit Nazzjonalista jħoss li hu tajjeb li d-diżastru li tħalliet fih din il-pjazza fl-aħħar se jitranġa. Madankollu, tajjeb ukoll li l-poplu jkun jaf min kien responsabbli għal dan id-diżastru u min se jkun qed jagħmel tajjeb għalih.
//= $special ?>