Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef ma ngħatax raġun f’kawża ta’ libell li kien fetaħ kontra l-ex Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier. Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet fis-sentenza tagħha li Jason Micallef naqas milli jipprova kif imiss ir-rekwiżit tal-ħsara serja lir-reputazzjoni tiegħu.
Nuqqas li fil-fehma tal-Qorti għandu jitqies bħala ostakolu fondamentali għall-prova tal-ħsara serja lir-reputazzjoni kif meħtieġ espressament mil-liġi. Micallef kien sejjaħ bħala malafamanti u inveritieri l-allegazzjonijiet li għamel kontrih Borg Olivier f’messaġġ fuq Facebook fit-2 ta’ Jannar, 2020.
Dr. Paul Borg Olivier, fix-xhieda tiegħu fisser li huwa kien ippubblika l-istqarrija “Jason Micallef is one big wannabe himself” fl-isfond u b’rejazzjoni għal post li kien ippubblika Micallef innifsu fuq Facebook ftit tal-ħin qabel, fejn kien sejjaħ lill-kantanta Alexandra Alden “Malta’s Lady Gaga wannabe”, meta kien ġie mħabbar li sejra tipparteċipa fil-Kunċert kontra l-Korruzzjoni.
Qal illi b’dak il-kumment Jason Micallef kien qed jipprova jiddemonizza lil din il-persuna sempliċement għaliex riedet tipparteċipa f’attivita kontra l-korruzzjoni. Xehed ukoll illi meta Micallef kien assuma l-pożizzjoni ta’ Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, kien qal pubblikament waqt intervista pubblikata f’The Malta Independent fis-26 ta’ Mejju 2013, li kien sejjer jirriżenja mill-kariga tiegħu bħala
Chairman ta’ One Productions Limited biex iwarrab kull nozzjoni ta’ partiġjaniżmu politiku.
Madankollu, baqa’ qatt ma rriżenja bir-riżultat li l-attur spiċċa jokkupa dawn iż-żewġ karigi kontemporanjament. Micallef minn naħa tiegħu qal li l-kumment kellu l-għan li jesponih għar-redikolu u disprezz tal-pubbliku u fuq kollox biex iħammiġlu r-reputazzjoni tiegħu u kien għalhekk li fetaħ proċeduri ta’ libell.
Kien qal ukoll li fil-futur ma jeskludiex li jikkontesta elezzjonijiet oħrajn u sostna dak li qal Dr. Borg Olivier kien intiż biex tfixkel il-prospetti politiċi tiegħu kif ukoll tħammeġ ir-reputazzjoni professjonali tiegħu bħala direttur ta’ One Productions Limited u Chairman ta’ kumpannija kummerċjali oħra.
Huwa kien ċaħad illi qatt ġie investigat jew interrogat minn ebda entita’ in konnessjoni ma’ xi każ dwar allegat korruzzjoni jew korruzzjoni politika. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li fix-xhieda tiegħu Jason Micallef baqa’ ma semma assolutament xejn fir-rigward ta’ xi impatt li l-pubblikazzjoni kellha fuq ir-reputazzjoni tiegħu, għajr għall-possibbilita’ li din tista’ potenzjalment tfixkel il-prospetti politiċi tiegħu. bl-ispejjeż kollox.


