Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Athleta fit-tieni post wara rimonta mill-aqwa kontra Depiro

(Ritratt: Steġhen Christopher Vella)

Colin Schembri

Hibernians…………………………………..86

Mellieħa Libertas Spalding………….82

(19-29)(23-10)(17-18)(12-14)(15-11)

Hibernians kisbu rebħa mportanti kontra l-leaders tal-klassifika Mellieħa Libertas Spalding 86-82 f’partita li kellha bżonn il-ħin barrani biex tkun deċiża. Mellieħa kienu mingħajr David Bugeja però ddebutta għalijhom it-tielet player Amerikan Alexander Peacock. Għal ħafna ħin kien hemm bilanċ bejn it-teamijiet li rat il-vantaġġ jinbidel għal sitt darbiet għalkemm kienu Mellieħa li kellhom l-akbar vantaġġ tal-partita, 29-16 fl-ewwel sessjoni. Mellieħa fetħu bl-ewwel ħames punti minn Robert Bonnici u trippla ta’ Corrado Mercurio. L-ewwel punti ta’ Hibs ġew minn trippla ta’ Mason Hix u għamlu l-iskor indaqs bil-punti ta’ Ivan Demcesen. Hawn wasal mument tajjeb minn Mellieħa fejn kellhom run ta’ 11-0 b’żewġ trippli ta’ Tederick Wolfe u oħra ta’ Bonnici. Hibs kellhom risposta bi three pointer ta’ Luke Farrugia u Demcsen però t-trippli ta’ Mellieħa komplew ġejjin minn Vukassin Jandric u l-ewwel punti ta’ Peacock biex temmew l-ewwel sessjoni 29-19 minn fuq. Fit-tieni sessjoni waslet risposta qawwija minn Hibs bi break ta’ 15-2 b’diversi punti mill-Amerikani Hix u Brennen flimkien ma’ Anton Axiaq u għamlu l-iskor indaqs 36-36. Hibs saħansitra komplew ir-rimonta tagħhom u rnexxielhom jidħlu jistrieħu minn fuq 42-39.

Wara l-intervall Mellieħa bdew bi break ta’ 9-0 bi trippli minn Jandric u Bonnici biex fetħu vantaġġ ta’ sitt punti 50-44. Hawn però kellhom isofru r-ritorn ta’ Hibs li b’żewġ trippli ta’ Farrugia u Hix bdew run ta’ 14-0 biex marru 8 minn fuq 58-50. Mellieħa rkupraw bil-punti ta’ Wolfe u Peacock biex it-taqsima ntemmet bil-Hibs minn fuq 59-57 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet kemmxejn nieqsa mill-puntu u wara trippla fuq kull naħa, Mellieħa ħadu l-vantaġġ wara sitt punti konsekuttivi. Punti konsekuttivi minn Brennen poġġew lil Hibs punt minn fuq però Wolfe kellhu l-okkażjoni fl-aħħar 2 sekondi li jaqleb ir-riżultat però għamel biss free-throw minn tnejn biex il-partita marret għal ħin barrani fuq skor ta’ 71-71. Hawn kienu Hibs li ħadu l-ewwel vantaġġ bi trippla ta’ Hix però Mellieħa rrispondew permezz ta’ Thompson u Peacock. Hawn Hibs għamlu break deċisiv ta’ 7-3 li rahom jiftħu vantaġġ ta’ 4 punti li żammew sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 86-82.

Hibernians: P. Attard, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia 8, A. Axiaq 4, R. Aquilina, M. Attard 3, M. Hix 30, I. Demcesen 23, N. Brennen 18.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 27, R. Bonnici 8, V. Jandric 12, I. Bonett 6, R. Carabott, A. Peacock 9, K. Thompson 14, E. Valdespina, C. Mercurio 4.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nestor Rincon, Fiorentina Ciurariu.

Athleta…………………78

Sigma Depiro……….76

(12-20)(20-26)(27-14)(19-16)

Athleta kellhom jiġu lura minn distakk ta’ 23 punt f’nofs it-tieni sessjoni biex jieħdu s-seba’ rebħa inkoraġġiti wkoll minn grupp ta’ supporters li ħolqu atmosfera storbjuża tul il-partita kollha. It-teamijiet kellhom bidla waħda mill-aħħar ħarġa tagħhom fejn Athleta rkupraw lil Piotr Stelmach u Depiro kienu mingħajr Sean Galea. Depiro ħarġu agressivi u bdew jippressaw lill-avversarji u rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 10 punti wara trippli minn Nikola Bozovic u Andrew Aquilina 16-6. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Malik Riddle u DeJuan Moorer però Depiro kellhom il-punti ta’ Alfred Hollins għal skor ta’ 20-12. Fit-tieni perjodu, Depiro komplew iżidu l-vantaġġ speċjalment b’sensiela ta’ three pointers minn Nenad Bukva u Michael Debattista flimkien ma’ Cameron Cornelius għal skor ta’ 34-16. Athleta ppruvaw jirkupraw bil-punti ta’ Stelmach u Riddle iżda Depiro kellhom seba’ punti oħra biex fetħu vantaġġ massimu ta’ 23 punt 43-20. Hawn Athleta ġew f’tagħhom u għamlu 12 -il punt mingħajr risposta fosthom 5 minn Francesco Mifsud Bonnici flimkien ma’ Moorer biex eżatt qabel l-intervall Miguel Mallia għalaq it-taqsima bi trippla għal skor ta’ 46-32.

Athleta komplew bl-istess ritmu wara l-intervall meta fetħu bi 8 punti mingħajr risposta b’żewġ trippli minn Stelmach. Depiro waqqfulhom ir-run b’żewġ baskets minn Cornelius però punti minn Riddle wasslu lill-Athleta 3 punti ‘l bogħod 49-52. Depiro reġgħu kabbru l-vantaġġ wara punti minn Rooks però hawn Athleta għamlu break ieħor ta’ 8-0 biex naqqsu d-distakk għal punt 59-60. Depiro ħadu ftit tan-nifs fil-bidu tal-aħħar taqsima bil-punti ta’ Rooks u Aquilina flimkien ma’ trippla minn Miguel Brincat u reġgħu marru sitta minn fuq 69-63. Hawn wasal mument deċisiv minn Athleta bi break ta’ 11-0 b’Luca Stefanovic jispikka b’żewġ trippli u basket flimkien ma Riddle u marru 74-69 minn fuq. Depiro ġew lura għal darb’oħra biex fl-aħħar żewġ minuti kien hemm parita għal darbtejn. Stefanovic għamel l-aħħar basket b’14 -il sekonda għat-tmiem. Depiro kellhom l-aħħar pussess però t-trippla ta’ Bozovic ma daħlitx biex Athleta ħarġu rebbieħa 78-76.

Athleta: M. Riddle 23, F. Mifsud Bonnici 7, N. Buhagiar, L. Stefanovic 10, D. Moorer 17, M. Gouder 2, E. Abela, P. Stelmach 19. A. Bozanic, A. Garzia.

SIGMA Depiro: N. Bozovic 3, A. Aquilina 6, N. Grech, A. Hollins 4, K. Rooks 25, M. Brincat 3, M. Mallia 3, C. Cornelius 22, N. Bukva 4, M. Debattista 6.

Referees: Bernard Vassallo, Artun Bayraktar, Fanni Fabok

Valletta Fighters…….75

Starlites JSD…………..101

(20-36)(12-18)(25-25)(18-22)

Ic-champions Starlites JSD kisbu s-seba’ rebħa tagħhom fil-kampjonat meta għelbu lil Valletta Fighters 101-75. Bidu qawwi minn Starlites kien importanti għalijhom hekk kif tul il-partita setgħu jikkontrollaw l-isforzi ta’ Valletta. Fil-fatt, Starlites bdew il-partita bi break ta’ 11-2 bi trippli ta’ Christian Hinkson u Miguel Fabri. Valletta wkoll kellhom trippla minn Andy Attard però Starlites komplew iżidu l-logħob tagħhom bil-punti ta’ Davonte Craven u Alec Felice Pace flimkien mat-trippli ta’ Matthew Attard u fetħu vantaġġ ta’ 16 -il punt fi tmiem l-ewwel sessjoni 36-20. Fit-tieni taqsima l-punti naqsu għalkemm Starlites fetħu bi break ieħor ta’ 12-2 bi trippla ta’ Felice Pace u l-punti ta’ Craven. Valletta naqqsu xi ftit id-distakk wara baskets minn DeSean Mattox u Neil Cassar però fl-intervall Starlites kienu għadhom 54-32 minn fuq.

It-tielet taqsima fetħet b’żewġ trippli oħra ta’ Starlites minn Ian Felice Pace u Attard qabel ma Valletta sabu break qasir ta’ 11-4 bi trippla ta’ Julian Wait. Starlites irrispondew permezz ta’ Attard u Kurt James bit-team ta’ Valletta jirrispondu b’punti konsekuttivi ta’ Mattox flimkien ma’ trippla ta’ Charleston għal skor ta’ 57-79. Fl-aħħar taqsima, Starlites għamlu aktar punti bi breaks qosra għalkemm Valletta kellhom risposta bit-trippli ta’ Mattox u Andy Attard. L-aħħar minuti servew biex il-coach Paul Ferrante jagħti spazju lil players ta’ fuq il-bank u kien wieħed minn dawn, Neil Sultana, li għaqqdilhom il-mitt punt għal skor finali ta’ 101-75.

Valletta Fighters: K. Charleston 23, N. Da Silva 2, S. Saakian, J. Wait 3, D. Mattox 20, A. Attard 11, M. Farrugia, F. Lisondra, U. Satyanarayan, N. Cassar 16.

Starlites JSD: A. Felice Pace 13, C. Hinkson 12, M. Attard 12, S. Aquilina, I. Felice Pace 9, M. Fabri 7, K. Fabri, D. Craven 23, L. Farrugia 2, J. Bourke Doggett 9, N. Sultana 2, K. James 12.

Referees: Gordon Barbara, Artun Bayraktar, Nicky Azzopardi