Pulizija u membri tas-CPD issejħu fil-Gżira wara li ċediet faċċata fejn għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni.
Il-każ seħħ fi Triq il-Belvedere, għall-ħabta tas-1:30pm.
Il-Pulizija kkonfermat li ħadd ma weġġà.
Fil-post assistew diversi ħaddiema tal-protezzjoni ċivili li neħħew il-periklu kaġunat mill-istruttura li ċediet u l-ġebel li waqa’. F’xi ħin kien hemm ukoll klieb illi għenu sabiex jiġi żgurat li ma kien hemm ħadd maqbud taħt it-tifrik.
Fil-post issejħu wkoll bosta uffiċjali tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni li bdew jistabbilixxu d-dinamika tal-każ.
Intant, dan l-aħħar każ ġab miegħu mill-ġdid ħafna reazzjonijiet – fotshom mill-familja ta’ Jean Paul Sofia. Bil-familja tistaqsi numru ta’ domandi: “F’dan il-każ erġajna ħadd ma ċċekkja xejn? Min kien qed jibni, il-kuntratturi kwalifikati? Il-perit ghamel xoghlu sew? Id-dipartimenti koncernati ghamlu xogholhom? Sar infurzar fuq is-sigurta`? Min se jkun responsabbli ghal dan in-nuqqas serju?”
Il-familja ta’ Jean Paul qed titlob lil Ministru Jonathan Attard, li issa ghandu r-responsabbilita` tar-riforma tal-kostruzzjoni “jagħtina l-informazzjoni li l-poplu għandu bżonn. X’qed isir? X’se jsir? Bil-paroli uliedna għadhom imutu – bil-fatti biss hemm cans li nsalvawhom!”
//= $special ?>